54 Midalja Fl-iSpecial Olympics Intrebħu Minn Persuni B’Diżabilità Li Jattendu S-Servizzi Ta’ Aġenzija Sapport
54 midalja intrebħu minn persuni b’diżabilità li jattendu s-servizzi ta’ Aġenzija Sapport waqt il-logħob ta’ Special Olympics Invitational Games 2022 li seħħew f’Malta fl-aħħar jiem. Dawn il-klijenti, li jammontaw għal aktar minn 50 atleta, ipparteċipaw fid-dixxiplini sportivi tal-għawm, il-boċċe, table tennis u bowling.
Fost dawn il-midalji hemm 12 tad-deheb, 17 tal-fidda u 14 tal-bronż. Dawn ir-rebħiet sinifikanti huma riżultat ta’ madwar sentejn ta’ taħriġ professjonali u intensiv li ħafna mill-atleti ħadu permezz ta’ ftehim bejn Aġenzija Sapport u Special Olympics Malta li kienu strumentali sabiex l-atleti jaslu sa dan il-livell li jipparteċipaw u jikkompetu fuq livell internazzjonali f’dan l-avveniment sportiv.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, Għaqdiet Volontarji u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli awgurat lil kull atleta li mhux biss kiseb midalja iżda li ħaddan il-messaġġ li l-abilità hija ferm akbar mid-diżabilità. Il-Ministru qalet li l-iSpecial Olympics kien avveniment li jmur lil hinn mir-rebħ tal-midalji. Kien avveniment li poġġa lil Malta fil-lenti internazzjonali bħala l-wiċċ tal-inklużjoni. Il-Ministru Farrugia Portelli faħħret lil Aġenzija Sapport għax-xogħol siewi li tagħmel matul is-sena u li parti mill-frott tal-ħidma kien maqtugħ bis-suċċess li pajjiżna kiseb fl-iSpecial Olympics.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, is-Sur Oliver Scicluna, irrefera lejn dan is-suċċess bħala wieħed strumentali għax mhux biss ikompli jgħin lill-atleti sabiex iżidu l-fiduċja fihom infushom iżda wkoll ikunu ta’ mudell u motivazzjoni għal persuni oħra sabiex jibdew jipprattikaw sports. Dan l-avveniment wera ċar l-abilitajiet tal-persuni, u li ma ħallewx id-diżabilità twaqqafhom milli jitħarrġu, jikkompetu u jirbħu fuq livell professjonali. Is-Sur Scicluna rringrazzja lill-impjegati tal-Aġenzija għall-impenn tagħhom kemm waqt il-logħob kif ukoll fix-xhur li għaddew fejn taw is-sapport tagħhom fejn meħtieġ sabiex l-atleti jkunu jistgħu jattendu għat-taħriġ, waqt li feraħ lill-parteċipanti kollha tal-ispirtu sportiv li wrew u l-atmosfera pożittiva li ħolqu.