664 Tifel U Tifla Assessjati Għal Bżonnijiet Speċifiċi Fl-2021
Matul is-sena li għaddiet, 664 tifel u tifla għaddew mill-proċess magħruf bħala statementing, fejn ġew assessjati għall-bżonnijiet speċifiċi tagħhom. Minn dan il-proċess irriżulta li 312-il tifel u tifla urew traċċi ta’ awtiżmu jew diffikultajiet fil-komunikazzjoni, 99 indikaw il-kundizzjoni tal-ADHD, 41 kellhom diżabilità fiżika, 11 kellhom id-Down Syndrome, 5 jbatu minn nuqqas ta’ vista jew smigħ, 97 għandhom diffikultajiet fit-tagħlim u 99 għandhom kundizzjonijiet oħra varji.
Dawn iċ-ċifri saru magħrufa f’laqgħa mal-klijenti tas-Servizz Pubbliku li saret illejla bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2022 u li fiha ġew diskussi l-isfidi ta’ studenti bi bżonnijiet differenti fil-qasam edukattiv. F’laqgħat oħra mal-klijenti ġew diskussi x-xiri pubbliku, is-saħħa mentali u t-tagħlim online.
Fil-laqgħa dwar studenti bi bżonnijiet differenti, ġie spjegat kif wara l-assessjar, it-tfal jingħataw għajnuna li tindirizza l-bżonnijiet kollha tagħhom. Għal dan l-għan, matul is-sena skolastika preċedenti, kien hemm preżenza ta’ 3,600 learning support educator fl-iskejjel primarji, medji u sekondarji tal-Istat. Dawn apparti 1,382 u 444 learning support educator li ħadmu fl-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti rispettivament.
Barra minn hekk, 166 student u studenta kienu qed jirċievu l-edukazzjoni tagħhom fiċ-Ċentri għar-Riżorsi, fejn ingħataw servizzi indirizzati speċifikament għall-bżonnijiet tagħhom filwaqt li komplew ikunu inklużi b’mod ħolistiku fl-iskejjel rispettivi.
Fil-laqgħa mal-klijenti dwar is-saħħa mentali, ġew diskussi servizzi offruti mill-Employee Support Programme (ESP) għall-uffiċjali pubbliċi, kif ukoll servizzi li nħolqu fil-komunità biex jipprovdu gwida professjonali permezz ta’ tobba, psikologi, ħaddiema soċjali, occupational therapists u professjonisti oħrajn. Ġie spjegat li l-fatt li hemm professjonisti differenti involuti fil-kura tas-saħħa mentali jgħin biex il-kura tingħata b’mod ħolistiku u biex titjieb il-kwalità tal-ħajja ta’ min jagħmel użu minn dawn is-servizzi.
Il-laqgħa dwar ix-xiri pubbliku tat ħarsa lejn dak li twettaq f’dawn l-aħħar snin biex jiġu simplifikati l-proċessi fis-Servizz Pubbliku, kif ukoll lejn il-ħidma li saret biex jiġu implimentati suġġerimenti siewja dwar ix-xiri pubbliku li saru f’laqgħat preċedenti mal-klijenti.
Fil-laqgħa dwar it-tagħlim online ġew diskussi l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija fil-qasam edukattiv, liema sfidi nbidlu f’opportunitajiet kemm fil-metodoloġija tat-tagħlim innifsu kif ukoll fl-assessjar u fl-eżamijiet. L-istudenti u l-għalliema adattaw tajjeb għaċ-ċirkostanzi l-ġodda u t-tagħlim, l-assessjar u l-eżamijiet baqgħu għaddejjin. Statistika miġbura mill-Università ta’ Malta turi li fis-sena skolastika 2020/21 aktar minn 90% tal-eżamijiet saru virtwalment.
Dawn il-laqgħat jiġu inklużi fil-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku sena wara l-oħra għax huma mezz kif is-Servizz Pubbliku jisma’ dak li għandhom xi jgħidu l-klijenti esterni tiegħu u jimplimenta titjib fejn meħtieġ skont is-suġġerimenti tagħhom.
Ritratti: DOI