72 Każin Igawdu Mill-Iskema ‘Irrestawra L-Każin’
F’Settembru tal-2021, l-Awtorità tal-Ippjanar ħabbret l-iskema ‘Irrestawra l-Każin’ għall-klabbs u għall-każini lokali kollha sabiex tgħin fil-finanzjament tar-restawr tal-binja tagħhom, wara d-diffikultajiet finanzjarji li ġarrbu matul il-pandemija. Permezz ta’ din l-iskema, 72 każin qed jibbenefikaw sa massimu ta’ €5,000 sabiex isir xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-binja.
Fil-lokalità taż-Żejtun, il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi żar tliet każini li bbenefikaw minn din l-iskema. Huwa spjega li għalkemm il-każini li applikaw kienu prinċipalment każini tal-baned lokali, waslu għadd ta’ sottomissjonijiet minn klabbs tal-futbol lokali, klabbs tal-boċċi, każini tal-partiti politiċi u organizzazzjonijiet volontarji oħra.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi spjega li għal din l-iskema kien hemm madwar €250,000 fondi allokati, b’xogħlijiet li jvarjaw minn restawr tal-faċċata tal-każin, fosthom gallariji u aperturi tal-injam, waterproofing, xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni interna u titjib ta’ diversi faċilitajiet.
Iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Awtorità Martin Saliba qal li, “M’għandniex nissottovalutaw l-importanza tal-każini tagħna – minbarra l-wirt kulturali li għandhom dawn l-organizzazzjonijiet fi ħdan is-soċjetà Maltija, iservu bħala postijiet li jgħaqqdu nies ta’ etajiet u ta’ fehmiet differenti.” Huwa spjega li llum il-kultura tal-każini qed tinbidel b’rata mgħaġġla u ssir aktar inklussiva, speċjalment fejn tidħol il-parteċipazzjoni tan-nisa li mhux biss jattendu iżda qed ikunu minn ta’ quddiem f’dawn iċ-ċentri soċjali.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi żied jgħid li permezz ta’ din l-inizjattiva, ingħata appoġġ lil dawn l-għaqdiet volontarji biex jittaffa l-piż finanzjarju li kellhom jaffaċċjaw tul il-pandemija. Dan minħabba l-fatt li l-manutenzjoni ta’ dawn il-binjiet hija waħda kontinwa rrispettivament jekk il-każin ikunx miftuħ jew magħluq.
Il-ministru kkonkluda li, “Din l-iskema hija inizjattiva pożittiva oħra fejn l-Awtorità tal-Ippjanar trodd lura lill-komunità fondi li jkunu nġabru mill-proċess tal-applikazzjonijiet. Nemmen li l-każini u l-klabbs lokali għandhom rwol importanti ferm fil-lokalitajiet fejn ta’ kuljum jilħqu lin-nies, jiġbru ħiliet diversi u jservu bħala post ta’ rikreazzjoni lokali.”
Ritratti: DOI