“Aħna L-Akbar Xhieda Ta’ Gvern Li Lill-Ħaddiem Jipproteġieh Kemm Jista’ U Ma Jgħakksux” – Il-PM Robert Abela
“Illum ninsab determinat iktar minn qatt qabel li nibqgħu forza b’saħħitha favur ix-xogħol, favur il-ħolqien tiegħu u fuq kollox favur min jaħdmu, favur il-ħaddiem. Li nistgħu ngħidu bi kburija hu li minkejja li fl-aħħar tliet snin ma ċċelebrajnix jum il-ħaddiem fil-pjazez, lill-ħaddiem iċċelebrajnih ma’ kull jum li għadda. Iċċelebrajnih bid-deċiżjonijiet li ħadna biex inħarsulu l-impjieg. Biex ma nitfgħux fuqu piżijiet ġodda.”
Hekk beda l-messaġġ tiegħu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela fil-Belt Valletta f’attività politika f’Jum il-Ħaddiem.
“Ftit ġimgħat ilu kont qed nitkellem magħkom ta’ kuljum dwar il-futur. Dwar x’futur ridna għal pajjiżna. Issa l-mument li l-futur inwettquh. Għax hekk għażel il-poplu Għawdxi u Malti. Warrab fil-ġenb il-politika tal-passat. Ma ħallix min jaqtalu qalbu. U għażel din il-fażi ġdida li wegħdnikom. Se tkun din ir-Rebbiegħa il-bidu ta’ dan il-perjodu sabiħ għal pajjiżna.”
Il-Prim Ministru semma wkoll kif minn għada se jkunu tneħħew kważi għal kollox ir-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija għax filwaqt li se jibqa’ jsir minn kollox biex saħħet in-nies tibqa’ prijorità, irridu wkoll li l-Maltin jieħdu ħajjithom lura.
“Quddiem l-isfidi ġodda li qed taffaċċja d-dinja aħna rridu nkunu mutur ta’ ġid. F’dan il-mument il-ħaddiem jeħtieġ l-opportunità, u l-ħarsien…”
Il-Prim Ministru aċċerta li dawn l-opportunitajiet qed jingħataw u se jibqgħu jingħataw. Spjega kif illum pajjiżna għandu anqas minn elf persuna tirreġistra għax-xogħol.
Robert Abela emfasizza li filwaqt li se jibqgħu jinħolqu dawn l-opportunitajiet, irridu nibqgħu nappoġġjaw lill-ħaddiema, lill-pensjonanti u liż-żgħażagħ li qed jibdew familja u lill-istudenti.
“M’aħna se ninjoraw ir-realtà ta’ ħadd! Huwa minnu li s-soluzzjonijiet mhux faċli. Imma qed nieħdu sensiela ta’ deċiżjonijiet biex inħarsu x-xogħol, u nħarsu l-ħaddiem.”
Robert Abela qal ukoll li dan hu Gvern li jkun tarka għall-familji u n-negozji.
“Sa din il-ġimgħa stess il-Kabinett tal-Ministri approva għajnuna diretta lill-importaturi biex inżommu stabbli l-prezz tad-dqiq li jintuża f’bosta affarijiet essenzjali. Għajnuna li tlaħħaq il-miljuni bil-kundizzjoni ċara li tagħmel tajjeb għall-effett tal-gwerra, u ma jgħollux il-prodotti essenzjali. Dan wara li fl-aħħar xhur konna diġà għenna bis-saħħa lill-importaturi tal-ġwież. Dak kollu li l-Gvern jista’ jagħmel se jagħmlu. B’għaqal, u bl-użu tal-finanzi tal-pajjiż b’responsabbiltà.”
Il-Prim Ministru sostna wkoll kif illum li l-Ewropa għaddejja mill-ogħla inflazzjoni fl-istorja tagħha, l-inflazzjoni ta’ pajjiżna hi nofs il-medja Ewropea.
Il-Prim Ministru għalaq b’messaġġ ta’ għaqda. Li nibqgħu magħqudin bħala Partit u bħala pajjiż. Akbar ma huma l-isfidi, aktar il-bżonn li nkunu magħqudin.
“Lesti biex niġġeddu u nibqgħu noħorġu b’ideat ġodda. Hekk biss nibqgħu l-futur. Flimkien irridu nkomplu fit-triq li bdejna tant snin ilu. Pajjiż aktar ġust. Pajjiż aktar ħanin. Għawdex u Malta isbaħ. Għawdex u Malta fejn kulħadd jista’ jaspira u jikseb dak li jaspira. Għawdex u Malta Flimkien.”