Avveniment Mużikali Li Ser Jgħaqqad Il-Mużika Maltija Mat-Teatru
‘Lejla Lejlun’ huwa avveniment mużikali li ser jgħaqqad il-mużika Maltija mat-teatru.
Il-band preżenti fuq il-palk ser iddoqq arranġamenti ġodda ta’ diski Maltin live, adattati mis-Surmast Jonathan Abela. Ser jingħaqdu magħhom il-kantanti Tiziana Calleja u Mark Micallef Costa, il-kantant tal-band Sterjotipi. Il-mistieden speċjali, Joe Demicoli, ser ikanta diska li ħafna nies ftit semgħuha qabel.
L-istorja ddur ma’ żewġ karattri tipiċi ta’ pjazza Maltija, Żeppi u Grezzju, interpretati minn Andy Catania u Keith Gatt, żewġ atturi li żgur jaqblu ħafna flimkien. Id-djalogi, l-esperjenzi u l-memorji ta’ Żeppi u Grezzju ser jeħduna minn diska għal oħra f’dan il-kunċert teatrali. Diski bħal ‘Xemx’ u ‘Il-Pjazza tar-Raħal’ ser jiżżewqu ma’ diski differenti bħal ‘Hey Miss’ u ‘Kmieni Filgħodu’.
Il-produzzjoni qed titmexxa min Neil Zerafa li huwa wkoll l-awtur tal-iskritt ta’ dan il-kunċert.
‘Lejla Lejlun – Kunċert Teatrali ta’ Mużika Maltija’ ser jittella’ nhar is-17, it-18 u d-19 ta’ Ġunju fit-8:00pm fit-teatru tal-Kulleġġ San Benedittu, Ħal Kirkop. Il-biljetti tistgħu tiksbuhom online minn fuq www.ticketline.com.mt. Għall-għajnuna tistgħu ċċemplu fuq 99090717. Aktar informazzjoni ssibuha fuq il-paġna ta’ Facebook.
Din il-produzzjoni ser issir bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti.
Ingħaqdu ma’ Żeppi, Grezzju, il-kantanti u l-mużiċisti għal Lejla Lejlun – Kunċert Teatrali ta’ Mużika Maltija.