Bernard Grech Saħaq Fuq L-Importanza Li Jissaħħu S-Setturi Ekonomiċi U Jinħolqu Setturi Ġodda
“Inħarsu ‘l quddiem biex nibqgħu naħdmu flimkien. Nemmnu fikom u fil-ħiliet tagħkom. Flimkien nistgħu nagħmlu politika aħjar, ekonomija b’saħħitha u ntejbu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Dan kollu, biex ngħixu ħajja ta’ kwalità aħjar.”
Kien dan il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’laqgħa mal-Kamra tal-Kummerċ.
Minn naħa tiegħu, Bernard Grech stqarr li l-PN għandu obbligu li jkun partit aħjar u oppożizzjoni b’saħħitha. Hu spjega kif bħalissa għaddej proċess ta’ titjib li jrid jibqa’ għaddej. Dan meta stqarr li t-tiġdid itina l-opportunitá li niddiversifikaw ruħna u nirrelataw man-nies, bl-użu tal-ħiliet ta’ kull persuna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Oppożizzjoni se tkun qed iżżomm taħt skrutinju, il-ħidma tal-Gvern. Se tkun qed issir kritika kostruttiva biex taċċerta li l-pajjiż jitmexxa b’mod aħjar.
Bernard Grech spjega kif il-pajjiż għandu numru ta’ problemi li minnhom qed jiġu affetwati numru kbir ta’ nies. Hawnhekk għamel aċċen partikolari għall-għoli tal-ħajja li qed taffettwa lil kulħadd.
Kif għamel matul il-Kampanja Elettorali, il-Kap tal-PN saħaq fuq l-importanza li nsaħħu s-setturi ekonomiċi ta’ pajjiżna u li anke jinħolqu setturi ġodda għaliex hemm bżonn ta’ ekonomija reżiljenti u effiċjenti li minnha jinħoloq xogħol ta’ kwalità.
Fost il-punti li qajjem, Bernard Grech saħaq fuq il-bżonn ta’ tiġdid u riforma fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż, dwar konsultazzjoni għar-reviżjoni tas-sistema tat-tassazzjoni fiskali u t-trasformazzjoni tas-settur pubbliku fejn tiżdied l-effiċjenza, filwaqt li jkun aċċertat level playing field.