Bil-Filmat: Raġel Jipprova Jivvandalizza L-Mona Lisa Billi Waddbilha Kejk

 Bil-Filmat: Raġel Jipprova Jivvandalizza L-Mona Lisa Billi Waddbilha Kejk

Daħal fil-Mużew Louvre f’Pariġi fuq siġġu tar-roti liebes ta’ mara anzjana, sakemm wasal quddiem il-Mona Lisa ta’ Leonardo Da Vinci u waddbilha biċċa kejk.

Dan il-każ seħħ ilbieraħ filgħodu quddiem mijiet ta’ viżitaturi li kienu qegħdin iżuru dan il-Mużew f’dak il-ħin.

Fuq il-mezzi soċjali diversi filmati juru dak li ġara filwaqt li dawk li kienu fis-sala dak il-ħin qalu li r-raġel li kien fuq is-siġġu tar-roti f’daqqa waħda qam u waddab biċċa kejk bil-ħsieb li jikkawża l-ħsara.

Fortunatament l-opra ta’ arti li tpittret fil-bidu tas-seklu 16 ma ġralha l-ebda ħsara minħabba ħġieġa li tinsab quddiem il-pittura biex tipproteġiha minn xi attakki bħal dawn.

Jidher li dan ir-raġel wettaq dan kollu bl-iskop li jwassal messaġġ lil artisti u jqajjem kuxjenza dwar it-tniġġis u t-tibdil fil-klima.

Waqt li kien ħiereġ ‘il barra mill-uffiċjali tas-sigurtà, u beda jgħid, “Aħsbu fid-dinja…artisti, aħsbu fid-dinja. Għalhekk għamilt dak li għamilt.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com