Bini Ta’ Impjant Ġdid Fejn Se Jkun Qed Isir Prodott Ġdid Mill-Fdalijiet Tat-Tonn Li Normalment Jintremew

 Bini Ta’ Impjant Ġdid Fejn Se Jkun Qed Isir Prodott Ġdid Mill-Fdalijiet Tat-Tonn Li Normalment Jintremew

Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri żar impjant li qed jinbena f’Ħal Far u li se jkun qed jagħmel prodott ġdid mill-fdalijiet tat-tonn li normalment jintremew.

Waqt din iż-żjara sostna li dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ fejn irridu naslu fi proġetti futuri. Qal li permezz ta’ dan il-proġett mhux biss qed tinħoloq industrija ġdida li se trendi l-flus fl-ekonomija tagħna, iżda wkoll qed jintuża materjal li normalment jintrema. B’hekk se jibda jinħoloq prodott ġdid li jmur id f’id mal-kunċett ta’ ekonomija ċirkulari.

Il-Ministru Schembri spjega li għal dan il-proġett ingħaqdu flimkien tliet operaturi ewlenin tal-akkwakultura f’Malta, li ħarġu b’dan il-proġett ġdid li se jara li l-fdalijiet tat-tonn minflok jintremew fil-baħar, se jibdew jintużaw biex minnu jsiru fishmeal u fish oil li jintużaw bħala għalf għall-annimali u għall-ħut.

Hemm il-ħsieb ukoll li ħut ieħor li jintuża għall-għalf jibda jinħażen u jiġi ppreparat għall-użu f’dan l-impjant stess u għaldaqstant ma jibqax ikun hemm problemi bħal żjut mill-għalf fil-baħar. Għal dan l-għan, din il-kumpanija se tinvesti wkoll f’cold storage facility.

Il-ministru żied jgħid li dan il-proġett kien possibbli wkoll permezz ta’ art li ngħatat mill-INDIS biex ikun jista’ jinbena dan l-impjant, b’investiment ta’ €11-il miljun.

Charlon Gouder f’isem Aquaculture Resources Limited tkellem dwar il-prestiġju li għandha l-industrija tat-tonn f’pajjiżna u lil hinn minn xtutna u spjega li issa din l-industrija se tkun qed tagħmel ferm aktar filwaqt li tħaddem fil-prattika l-kunċett ta’ ekonomija ċirkulari.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com