€35 Miljun Mill-Fond Għall-Irkupru U R-Reżiljenza Għal Proġetti Ta’ Diġitalizzazzjoni U Effiċjenza Fl-Enerġija

 €35 Miljun Mill-Fond Għall-Irkupru U R-Reżiljenza Għal Proġetti Ta’ Diġitalizzazzjoni U Effiċjenza Fl-Enerġija

Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett mexxew laqgħa ta’ konsultazzjoni ma’ numru ta’ msieħba soċjali u assoċjazzjonijiet dwar il-Fondi għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

Il-pjan ta’ Malta għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRP) jindirizza l-bżonn ta’ rkupru b’saħħtu u immedjat. Ir-riformi u l-investimenti fil-pjan huma mmirati biex Malta ssir aktar sostenibbli, reżiljenti u ppreparata aħjar għall-isfidi u għall-opportunitajiet tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

L-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan ta’ rkupru, b’total ta’ €316.4 miljun, hija mfassla biex tħalli aktar effett immedjat u għalhekk ir-riformi u l-investimenti kollha jridu jitlestew sa Awwissu 2026. Minn dawn, €35 miljun se jintużaw għal proġetti ta’ diġitalizzazzjoni; €5 miljuni għal proġetti f’kumpaniji żgħar u medji u €10 miljuni għal proġetti li għandhom x’jaqsmu mas-settur turistiku u kulturali, filwaqt li €20 miljun se jintużaw fi skema għall-binjiet biex isiru aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Dawn il-fondi se jitħabbru fil-jiem li ġejjin.

Il-Ministru Schembri qal li s-settur privat huwa s-sinsla tal-iżvilupp ekonomiku ta’ Malta, b’ekonomija li matul is-snin diffiċli tal-pandemija wriet kemm hija reżiljenti. “Għaldaqstant qed issir konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali biex naraw kif dawn il-fondi jistgħu jintużaw għal proġetti ekoloġiċi u ta’ diġitalizzazzjoni. Matul l-aħħar snin indunajna aktar minn qatt qabel l-importanza li l-intrapriżi tagħna jnaqqsu l-konsum tal-enerġija u jtaffu t-tranżizzjoni diġitali tagħhom u jużaw għodod ġodda biex l-operat tagħhom ikun aktar effiċjenti,” qal il-Ministru Silvio Schembri.

Fi tmiem id-diskors tiegħu, il-Ministru Schembri ħeġġeġ lin-negozji u lill-intrapriżi biex jibdew jippreparaw u jaħsbu f’investimenti li jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-fondi.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li l-gvern ma qabadx u fassal l-iskemi hu iżda għażel li jikkonsulta mal-imsieħba soċjali u mal-assoċjazzjonijiet sabiex l-iskemi jitfasslu b’konsultazzjoni mal-partijiet kollha. “Qabel ma nimxu ’l quddiem bit-tnedija ta’ dawn l-iskemi xtaqna naqsmu magħkom ċerti dettalji u nisimgħu s-suġġerimenti tagħkom għall-benefiċċju ta’ kulħadd,” qal Dr Bonett.

Il-Ministru Silvio Schembri u s-Segretarju Parlamentari Chris Bonett irringrazzjaw lil dawk kollha li ħadu sehem f’din id-diskussjoni u awguraw biex ikollna l-aħjar użu minn dawn il-fondi għall-ġid ta’ aktar tkabbir ekonomiku.

Ritratti: DOI

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com