Ftehim Kollettiv Ġdid Għall-Ħaddiema Tal-Freeport Corporation
94 ħaddiem fil-Freeport Corporation bdew igawdu minn żieda ta’ 2.5% fis-sena fis-salarju tagħhom, hekk kif illum ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid bejn il-Korporazzjoni u l-General Workers’ Union.
Il-ftehim kollettiv ġie ffirmat fil-preżenza tal-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet Silvio Schembri u se jkun qed jibda japplika minn Jannar ta’ din is-sena.
Permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv, minbarra żieda fil-pagi, il-ħaddiema se jkunu qegħdin igawdu wkoll minn aktar benefiċċji fosthom żidiet fl-allowances, żieda fit-taħriġ, u titjib f’kundizzjonijiet oħra.
“Fl-ekonomija nitkellmu ħafna fuq l-investimenti li nagħmlu bħala pajjiż biex ninċentivaw l-industrija, iżda bla dubju wieħed mill-aqwa investimenti li nistgħu nagħmlu huwa fikom il-ħaddiema,” qal il-Ministru Silvio Schembri.
Huwa spjega dwar l-importanza ta’ dan il-port li minnu jgħaddu 85% tal-importazzjoni kollha ta’ pajjiżna u semma kif matul il-pandemija din il-ħidma baqgħet għaddeja bla waqfien.
Il-Ministru Silvio Schembri rringrazzja lill-General Workers’ Union li dejjem kienu ta’ appoġġ lill-ħaddiema. “Anke matul iż-żmien ta’ sfidi fil-pandemija dejjem sibthom ta’ spalla biex nagħmlu dak kollu neċessarju għall-ġid tal-ħaddiema u l-ekonomija tagħna,” qal il-Ministru Silvio Schembri.