Ftuħ Ta’ Programm Ta’ Taħriġ B’Fondi Norveġiżi Għall-Project Leaders Tal-Kunsilli Lokali

 Ftuħ Ta’ Programm Ta’ Taħriġ B’Fondi Norveġiżi Għall-Project Leaders Tal-Kunsilli Lokali

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli fetħet it-Tieni Sessjoni ta’ taħriġ immirat għal dawk il-kunsilli lokali f’lokalitajiet li huma meqjusa urbani. Dan il-programm huwa ffinanzjat mill-Ismall Grants Scheme b’fondi Norveġiżi, li l-għan prinċipali tiegħu huwa li jindirizza l-inugwaljanza u l-isfidi relatati mal-qagħda soċjo-ekonomika fil-lokalitajiet.

Dan il-proġett joffri l-opportunità lill-kunsilli lokali urbani li jwettqu diversi proġetti li jindirizzaw sfidi bħal riġenerazzjoni fiżika, ekonomika u soċjali fil-lokalità. Dan il-programm ta’ taħriġ jinkludi ‘Manual of Procedures’ għall-implimentazzjoni tal-proġetti, u huwa mmirat sabiex il-Project Leaders ikollhom l-għarfien amministrattiv meħtieġ sabiex iwettqu l-proġetti magħżula b’mod sodisfaċenti.

“Dan il-programm għandu jitqies bħala għodda importanti li tgħin lill-kunsilli lokali urbani biex iwettqu proġetti u inizjattivi li jkunu fil-qafas tal-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp, sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti, kif ukoll jiġu implimentati inizjattivi sostenibbli li jgħinu lil dawk l-iktar vulnerabbli fil-komunità,” saħqet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Il-baġit totali għal din l-iskema b’Fondi Norveġiżi hu ta’ €1.2 miljun u kull proġett jista’ jiggwadanja minn minimu ta’ €25,000 sa massimu ta’ €100,000. Il-proġetti li ġew magħżula taħt l-ewwel skema kienu dawk sottomessi minn erba’ kunsilli lokali li jinkludu Ħal Tarxien, il-Furjana, Ta’ Xbiex u Santa Venera. Dawn bejniethom ingħataw €435,356.

Fit-Tieni sejħa ġew magħżula sitt kunsilli lokali – Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, il-Marsa, il-Birgu, Tas-Sliema u l-Isla. Dawn se jkunu qed jieħdu bejniethom €568,300.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com