“Għandna Nkunu Gvern U Politiċi Ta’ Kulħadd…Irridu Nisimgħu Aktar, Ħafna Aktar Milli Nitkellmu” – Il-MP Ray Abela
Fl-ewwel diskors tiegħu fil-Parlament, il-Membru Parlamentari ġdid Ray Abela qal li jħossu privileġġjat bil-fiduċja illi l-poplu tat-Tielet Distrett wera fih kif ukoll feraħ lill-poplu Malti u Għawdxi kollu, “illi għal darb’ oħra, għażel it-toroq tas-sewwa u tal-progress għaliex bil-programm elettorali tal-Partit Laburista, li għalih ivvota bi ħġaru, żgur illi l-ħajja ta’ kull ċittadin ser tkun dejjem aħjar. Aktar ġid u serħan il-moħħ, aktar ħolqien tax-xogħol, aktar edukazzjoni b’saħħitha u kwalità ta’ ħajja aħjar.”
Huwa tkellem ukoll dwar l-14% tal-elettorat li ma vvutawx jew ħassru l-vot tagħhom.
“Nemmen li hemm minnhom li ħassewhom injorati minna l-politiċi – ma smajnihomx biżżejjed u ma tgħajnihomx l-attenzjoni xierqa u denja li tixirqilhom. Għandna nkunu Gvern u politiċi ta’ kulħadd. Irridu nisimgħu aktar – ħafna aktar milli nitkellmu,” saħaq Ray Abela.
Huwa kompla jgħid li jridu jibqgħu jinvestu fin-nies u jibqgħu viċin in-nies. “Irridu nisimgħu lin-nies mhux biss fl-aħħar 5 ġimgħat ta’ kampanja, iżda matul il-5 snin tal-leġislatura; kuljum,” sostna Abela.
Huwa tkellem ukoll dwar l-edukazzjoni diġitali, is-settur li ħadem fih Ray Abela.
Qal li huwa minn dejjem kellu nteress fil-politika, iżda minħabba, li minn età’ żgħira, kien aktar ikkonċentrat fl-istudju, fl-edukazzjoni diġitali, u li f’dak iż-żmien dan is-suġġett kien fi stadju verament ġdid u infantili, kellu jerħila barra minn pajjiżna biex jinvesti u jsaħħaħ l-abbiltajiet tiegħu u jipprepara għal futur.
“Ta’ 17 il-sena, rajt il-bidu ta’ dak li llum ħadd ma jgħaddi mingħajru u cioe l-użu tal-kompjuters, l-internet, il-midja socjali u wisq aktar il-mobile devices. L-impatt u l-influs tekonoġiku kien u ser jibqa’ kbir,” tenna Ray Abela, filwaqt li ftakar fl-ewwel lezzjonijiet li kien għamel lill-ħaddiema fiċ-ċentru tal-kompjuters tal-Gvern. “Memorji ta’ ħaddiema li llum kollha huma pijunieri f’ dan il-qasam, u li flimkien rajna il-bidu ta’ Malta Diġitali.”
Huwa tenna li dan huwa settur li rridu nkompli ninvestu fih speċjalment fit-tfal u ż-żgħażagħ biex ikunu preparati u mħarrġa biex jaħdmu f’din l-industrija.
“Irridu nassiguraw l-impjiegi u fl-istess ħin niggarantixxu kundizzjonijiet u pagi tajbin u nitbegħdu mill-prekarjat.”
Ray Abela tkellem ukoll dwar is-servizzi elettroniċi tal-Gvern li sena wara sena niġu l-ewwel mill-pajjiżi Ewropej. “Imma issa nixtieq li nagħmlu l-qabża li jmiss. Li nkunu wkoll l-ewwel pajjiż f’kemm dawn is-servizzi jintużaw miċ-ċittadini. Nixtieq nara aktar inklużjoni f’dan ir-rigward, nixtieq illi verament insostnu soċjetà, edukazzjoni u ekonomija diġitali waqt li wkoll inħarsu lejn l-effetti ħżiena li jġib miegħu kull żvilupp f’ ħajjitna.” Hawn Abela irrefera għal użu eċċessiv u l-impatt soċjali u personali fuq it-tfal u l-familji permezz tat-teknoloġija.
“Mhux hekk biss, imma l-edukazzjoni marbuta mas-Cyber Crime u Cyber Bullying b’ mod ġenerali, għandhom ikunu parti integrali mill-kurrikulu edukattiv minn età żgħira,” temm jgħid il-Membru Parlamentari Ray Abela.