Ġlieda Kbira B’Xabla U Oġġett Tal-Ħġieġ F’Paceville Tħalli 4 Irġiel Midruba Gravi

 Ġlieda Kbira B’Xabla U Oġġett Tal-Ħġieġ F’Paceville Tħalli 4 Irġiel Midruba Gravi

Erbat irġiel sofrew ġrieħi gravi wara ġlieda kbira bl-armi kmieni dalgħodu.

Il-każ seħħ għall-ħabta tal-4:15am, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm argument bejn diversi persuni fi Triq San Ġorġ, San Ġiljan.

Il-Pulizija tad-Distrett, assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, marru fuq il-post fejn minn investigazzjoni preliminari li saret irriżulta li kien qam argument bejn diversi rġiel. Allegatament, waqt l-argument intużat xabla u oġġett tal-ħġieġ.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti u numru ta’ ambulanzi li ħadu Libjan ta’ 36 sena, Iranjan ta’ 24 sena, Ingliż ta’ 28 sena u raġel ieħor, li l-identità tiegħu għadha mhix magħrufa, l-Isptar Mater Dei għall-kura. Aktar tard, huma ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi gravi.

Ħames barranin oħra qegħdin jassistu lill-Pulizija fl-investigazzjonijiet, li għadhom għaddejjin.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Elaine Mercieca ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com