Ħaddiem Isofri Ġrieħi Gravi Wara Li Waqa’ Għoli Ta’ Sular F’Bormla
Ħaddiem ta’ 34 sena li joqgħod San Pawl il-Baħar weġġa’ serjament wara li waqa’ għoli ta’ madwar sular.
L-aċċident seħħ dalgħodu, għall-ħabta tal-10am, f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq il-Pellegrinaġġ, Bormla.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li l-vittma, weġġa’ wara li waqa’ għoli ta’ madwar sular waqt li kien qed jagħmel xi xogħol.
Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu lir-raġel li ttieħed permezz t’ambulanza l-Isptar Mater Dei. Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.