“Iċ-Ċittadini Ta’ Reġjuni Insulari, Periferali, U Remoti Jeħtieġ Li Jħossu Li Mhumiex Parti Minsija Tal-Ewropa” – Alfred Sant
Fuq inizjattiva tal-MPE Alfred Sant, il-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D) fil-Parlament Ewropew ressaq emenda fil-plenarja li titlob lill-Kummissjoni Ewropea tagħti l-attenzjoni dovuta għall-impatt tad-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-istat fuq il-konnettività tal-gżejjer u r-reġjuni periferali tal-Unjoni Ewropea.
Fl-intervent tiegħu waqt dibattitu fis-sessjoni tal-plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu dwar ir-Rapport Annwali tal-Kompetizzjoni, l-eks Prim Ministru Alfred Sant saħaq li ċ-ċittadini ta’ reġjuni insulari, periferali, u remoti jeħtieġ li jħossu li mhumiex parti minsija tal-Ewropa. Sant appella biex ir-regoli Ewropej dwar l-għajnuna mill-istat jippermettu marġini għal konnettività tat-trasport xierqa fost ir-reġjuni insulari, periferali u remoti tal-blokk. Saħaq li r-Rapport Annwali tal-Kompetizzjoni huwa opportunità għal xi tip ta’ skrutinju demokratiku fuq l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-kompetizzjoni. Huwa essenzjali, għalhekk, li r-rapport iżomm fiċ-ċentru tal-attenzjoni tiegħu l-impatt dirett li l-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea għandha fuq iċ-ċittadini Ewropej.
Ir-Rapport Annwali dwar il-Kompetizzjoni huwa wieħed mir-rapporti annwali tal-Parlament Ewropew li jiġi ffinalizzat permezz tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (ECON). Hija tkopri l-politika Ewropea dwar il-kompetizzjoni u l-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea fil-qasam.
Il-MPE Laburista nnota li l-konnessjonijiet tat-trasport bejn il-gżejjer u r-reġjuni periferali u ċ-ċentri ewlenin tat-trasport Ewropej jibqgħu fraġli u suġġetti għal tfixkil. B’riżultat t’hekk, dan ħoloq għaċ-ċittadini u n-negozji tagħhom żvantaġġ ekonomiku u soċjali permanenti, b’mod partikolari inkwantu tal-attrazzjoni tal-investiment u t-turiżmu.
Ir-regoli ġenerali dwar l-għajnuna mill-Istat jistgħu joħolqu aktar żvantaġġi f’dan il-kuntest peress li l-linji tal-ajru u tat-tbaħħir li jservu l-gżejjer Ewropej u r-reġjuni periferiċi jeħtieġ li jiġu inċentivati sabiex jiġu żgurati konnessjonijiet tat-trasport kostanti u affidabbli. Għal dan il-għan, Sant appella għall-appoġġ għall-emenda tal-S&D.
Din l-emenda għaddiet b’492 vot favur, 101 kontra u 10 astensjonijiet u saret parti mir-rapport, li mbagħad ġie adottat.