Iċċelebrat Jum L-Ewropa Fil-Belt Valletta
“Il-proġett Ewropew m’għandux ikun proġett tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew tal-kapijiet tal-istati membri, imma tan-nies.”
Dan kien il-messaġġ tas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett f’Jum l-Ewropa, f’attività organizzata minn Servizzi Ewropej f’Malta u Europe Direct Valletta, f’Misraħ il-Ħelsien il-Belt. Din l-attività serviet biex il-pubbliku jkun jaf aktar dwar il-benefiċċji u l-opportunitajiet li għandhom bħala ċittadini Ewropej.
Jum l-Ewropa huwa jum importanti, li jfakkar li l-proġett Ewropew twaqqaf bħala proġett ta’ għaqda u paċi fil-kontinent Ewropew. Din is-sena, iktar minn snin oħra, spikkat aktar it-tema tal-paċi minħabba s-sitwazzjoni fl-Ukrajna.
F’diskors li għamel is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett, qal li f’dawn it-72 sena l-Unjoni Ewropea kellha ħafna suċċessi, iżda kellha ħafna sfidi wkoll, fosthom sfidi globali bħal pandemija u l-invażjoni tal-Ukrajna.
Is-Segretarju Parlamentari saħaq li l-proġett Ewropew għandu jkun ibbażat iktar fuq il-ħtiġijiet tan-nies u kif ħajjithom tista’ tmur għall-aħjar. “Bħala gvern, aħna kommessi li Malta tibqa’ tibbenefika u tieħu l-opportunitajiet kollha bħala stat membru.”
Il-Kap tal-Komunikazzjoni ta’ SEM Joe Sciberras qal li huwa importanti li f’dan il-jum inġibu flimkien l-entitajiet li jagħtu servizzi marbuta ma’ benefiċċji, drittijiet u obbligi liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea f’pajjiżna, inkluż il–fondi Ewropej li bihom isiru proġetti f’kull qasam tal-ħajja u li jġibu ’l quddiem il-kwalità tal-ħajja tagħna. Saħaq li iktar ma jikber l-għarfien dwar is-servizzi mogħtija f’pajjiżna b’rabta mal-Unjoni Ewropea, iktar nistgħu nieħdu l-aħjar mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Fit-tmiem tal-attività, is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qassam plakek kommemorattivi lill-iskejjel li ħadu sehem fil-kompetizzjoni tat-tpinġija, ‘L-Ewropa tiegħi, Malta tiegħi, il-Futur tiegħi’. Fil-ġimgħat li għaddew l-istudenti minn sitt skejjel sekondarji kellhom l-opportunità jżuru proġetti li qegħdin isiru b’fondi Ewropej f’pajjiżna u ħadu sehem f’din il-kompetizzjoni tat-tpinġija.
SEM u Europe Direct Valletta organizzaw din l-attività bil-kollaborazzjoni tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea u l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, id-Diviżjoni għall-Istrateġija u l-Implimentazzjoni fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej u 14-il entità li joffru f’pajjiżna servizzi relatati mal-Unjoni Ewropea.
Ritratti: DOI