Iffirmat Ftehim Biex Uffiċjali Pubbliċi Jitħarrġu Fl-Intelliġenza Artifiċjali
Bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2022, illum ġie ffirmat ftehim li jipprovdi għal taħriġ lill-uffiċjali pubbliċi li jwassal għal aktar għarfien fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali.
Il-ftehim huwa memorandum of understanding iffirmat mill-Università ta’ Malta, l-MCAST, il-Fondazzjoni eSkills Malta, l-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Dan il-ftehim għandu terminu ta’ tliet snin u daħal fis-seħħ mal-iffirmar tiegħu.
F’diskors li għamel qabel l-iffirmar tal-ftehim, is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar qal li s-Servizz Pubbliku jrid jieħu l-aħjar minn dak li tista’ toffri l-Intelliġenza Artifiċjali billi japplikaha fejn meħtieġ u madwarha jfassal mijiet ta’ proċessi interni u servizzi għall-klijenti. It-taħriġ tal-uffiċjali pubbliċi għalhekk huwa importanti ħafna biex jinkiseb ir-riżultat mixtieq.
Is-Sur Cutajar spjega li l-Università u l-MCAST se jipprovdu korsijiet apposta f’livelli differenti, filwaqt li l-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi se jkollu boroż ta’ studju għal dawk l-istudenti li jkunu jridu jispeċjalizzaw u jkomplu bl-istudji tagħhom. It-taħriġ se jkun tal-ogħla kwalità anke billi jinġieb materjal minn barra l-pajjiż, partikolarment mill-Università ta’ Helsinki, permezz tal-Fondazzjoni eSkills Malta.
Il-ftehim jaħseb ukoll għal kollaborazzjoni wiesgħa bejn is-Servizz Pubbliku u l-istituzzjonijiet edukattivi, fost oħrajn għall-applikazzjoni prattika ta’ standards u kollaborazzjoni fl-interess nazzjonali bħal pereżempju l-ilsien Malti fl-Intelliġenza Artifiċjali.
Wara l-iffirmar tal-ftehim, saret konferenza ta’ ġurnata fuq l-implimentazzjoni tal-istrateġija l-ġdida, fejn l-uffiċjali pubbliċi preżenti nqasmu f’cohorts u ddiskutew l-Intelliġenza Artifiċjali, id-Dejta u l-Informazzjoni, u l-Faċilizzazzjoni tas-Servizz.