Iffirmat Ftehim Ġdid Għall-Implimentazzjoni Tal-Iskema Tal-Ispiżjar Tal-Għażla Tiegħek

 Iffirmat Ftehim Ġdid Għall-Implimentazzjoni Tal-Iskema Tal-Ispiżjar Tal-Għażla Tiegħek

L-Iskema tal-Ispiżjar tal-Għażla Tiegħek (POYC) ġiet imġedda għal sitt snin oħra hekk kif ġie ffirmat ftehim ta’ estensjoni ta’ dan is-servizz bejn il-Ministeru għas-Saħħa u l-Kamra tal-Ispiżjara u l-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji.

L-iffirmar tal-ftehim, li kien ippresedut mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, se jkopri dan is-servizz għal ‘il fuq minn 150,000 pazjent f’224 spiżerija madwar Malta u Għawdex.

Il-ftehim il-ġdid se jkun qed jestendi s-servizz mogħti mill-ispiżeriji fil-komunità billi, għall-ewwel darba, se jkun offrut is-servizz tal-“Medicines Use Review”, li permezz tiegħu kull pazjent li juża l-iskema tal-POYC se jkollu l-opportunità li jagħmel appuntament kunfidenzjali mal-ispiżjar tal-għażla tiegħu fejn ikunu diskussi l-mediċini li jieħu l-pazjent u l-apparat mediku li qed jiġi użat. Dan bil-għan li l-ispiżjar jkun jista’ jassisti lill-pazjent, speċjalment jekk ikunu qed jittieħdu numru ta’ mediċini kroniċi u kumplessi għal snin twal, sabiex jiġi assigurat li l-kura, kif preskritta mit-tabib kuranti, tkun qed tittieħed sew u bil-mod kif preskritt.

Id-Deputat Prim Ministru rringrazzja lill-partijiet li ħadu sehem f’dan il-ftehim li se jsarraf f’servizz aħjar għall-pazjenti. Huwa rringrazzja lill-ispiżjara tal-komunità għall-ħidma dedikata li joffru ta’ kuljum.

Il-ftehim kien iffirmat mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għas-Saħħa Joseph Chetcuti, il-Kap Eżekuttiv ta’ CPSU Karl Farrugia, il-President tal-Kamra tal-Ispiżjara Mary Ann Sant Fournier, u l-President tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji tas-sezzjoni tal-Ispiżeriji Mario Debono.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com