Iktar Minn €1,250,000 Investiti Fi Proġetti Ta’ Riċerka U Innovazzjoni Fl-Oqsma Tal-Ilma U Tal-Enerġija
B’investiment ta’ iktar minn €1,250,000 fi 11-il proġett ta’ riċerka u innovazzjoni fl-oqsma tal-enerġija u tal-ilma, qed jinstabu soluzzjonijiet għal problemi u sitwazzjonijiet li jiffaċċja pajjiżna. L-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma permezz tal-iskema tagħha għar-riċerka u l-innovazzjoni tat medja ta’ €110,000 lil kull proġett fl-ewwel u fit-tieni sejħa għal proġetti.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti. Matul din il-konferenza tħabbar ukoll il-ftuħ tat-tielet sejħa għal dawn it-tip ta’ proġetti. B’differenza għal sejħiet preċedenti, din is-sena l-applikanti huma mitluba li jkunu f’partnership li tikkonsisti minn taħlita ta’ entitajiet akkademiċi, entitajiet pubbliċi jew mis-settur privat, u b’hekk tinħoloq sinerġija bejn partijiet differenti.
L-applikanti jistgħu japplikaw għal massimu ta’ €200,000 għal kull proġett u għandhom jiffukaw fuq oqsma li jgħinu biex iwasslu għal sostenibbiltà akbar, fosthom: proġetti fuq pannelli fotovoltajiċi u ħażna tal-batteriji, u sistemi ta’ konservazzjoni tal-ilma fl-agrikoltura.
Ingħata wkoll grant agreement lir-riċerkaturi tas-sitt proġetti li ntgħażlu mit-tieni sejħa. Dawn il-proġetti se jkunu qed jaħdmu fuq titjib f’diversi oqsma tal-ilma u tal-enerġija, fosthom titjib fuq it-tiftix tal-ilma tal-pjan jew titjib fl-effiċjenza tas-sistemi ta’ enerġija rinnovabbli.
Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma għodda li jistgħu jindirizzaw sitwazzjonijiet li jħabbat wiċċu magħhom pajjiżna bħal sistemi għal iktar effiċjenza fl-enerġija, titjib fil-kwalità tal-ilma jew anke sistemi ta’ enerġiji rinnovabbli, u dan kollu biex Malta ssir pajjiż aktar sostenibbli.
Il-Ministru Dalli sostniet, “Huwa ta’ sodisfazzjon għalina li ngħinu riċerkaturi li qed jaħdmu favur bidliet sostenibbli. B’dan l-investiment qed ngħinu lill-applikanti jiżviluppaw l-ideat tagħhom. Bħalma rajna proġetti li bbenefikaw b’suċċess minn dawn is-sejħiet, inħares ’il quddiem biex naraw aktar kollaborazzjonijet ta’ dan it-tip biex insaħħu l-effiċjenza u nappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni.”
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti qal li permezz ta’ inizjattivi bħal dawn, ir-riċerka u l-innovazzjoni qed tingħata pjattaforma akbar fil-qasam tal-enerġija u l-ilma. “Inħeġġu lis-setturi pubbliċi u privati biex jieħdu sehem f’din is-sejħa biex jiġu żviluppati proġetti li jtejbu l-effiċjenza fl-użu tal-ilma u tal-enerġija. Il-fatt li s-sejħa qed tinfetaħ għat-tielet darba turi d-determinazzjoni tal-gvern li jkompli jinvesti fir-riċerka u l-innovazzjoni,” tenna s-segretarju parlamentari.
Din it-tielet sejħa se tkun qed tinvesti nofs miljun ewro f’proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni. L-applikazzjonijiet għal din is-sejħa se jkunu qed jiftħu fil-bidu ta’ Ġunju wara li ssir sessjoni ta’ informazzjoni għal dawk kollha interessati.
Ritratt: DOI