“Il-Gvern Irid Jgħin Lir-Raħħala Wkoll Biex Iżżomm Il-Prezz Tal-Laħam Baxx” – Peter Agius

 “Il-Gvern Irid Jgħin Lir-Raħħala Wkoll Biex Iżżomm Il-Prezz Tal-Laħam Baxx” – Peter Agius

“Minbarra l-prezz tal-ħobż li jrid jibqa’ stabbli, l-iskema ta’ għajnuna approvata mill-Ewropa trid tintuża wkoll biex iżżomm il-prezz tal-laħam baxx.”

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Kelliem tal-PN Peter Agius dwar il-fondi li l-Unjoni Ewropea se tkun qed tagħti lill-gvern Malti biex jappoġġa kumpaniji li jimportaw, jimmanifatturaw u jbiegħu l-qmuħ u prodotti simili oħra.

Peter Agius f’messaġġ fuq il-mezzi soċjali tiegħu saħaq li l-Gvern irid jara li jkun hemm għajnuna diretta lir-raħħala Maltin li fl-aħħar sena raw il-prezz tal-ġwież jogħla kull ftit ġimgħat.

Huwa żied jgħid li ħafna minnhom qed isaqsu għadhiex tagħmel sens li tibqa’ topera. “Qed jikkompetu f’suq mifqugħ bil-laħam impurtat li ta’ spiss ikollu sussidju li huma m’għandhomx,” sostna Agius.

Huwa qal li issa l-gvern għandu okkażjoni li jgħinhom, “ma jistax jibqa’ jġib l-iskuża li l-Ewropa ma tħallieħx, issa l-Ewropa qed ittik il-via libera Anton Refalo u Robert Abela,” tenna Peter Agius.

Il-Kelliem tal-PN fakkar li dan huwa fundamentali jekk iridu li jkollna sigurtà tal-ikel f’pajjiżna.

“Ninsabu f’pożizzjoni vulnerabbli diġà f’dan ir-rigward. Jekk ikomplu jfallu l-bdiewa u r-raħħala ser inkunu f’riskju li f’każ ta’ kriżi nispiċċaw bil-ġuħ!” temm jgħid Peter Agius.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com