Il-GWU Tipproponi Li Tingħata Żieda Parzjali Mill-COLA Minn Qabel Biex Tkopri Ż-Żieda Fil-Prezzijiet
Laqgħa li matulha l-GWU pproponiet li f’dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali għandha tingħata żieda parzjali mill-COLA minn qabel biex tkopri ż-żieda fil-prezzijiet.
“Ir-rata annwali tal-inflazzjoni f’April żdiedet bl-ogħla livell f’xhur bħala riżultat taż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel, kif juru ċifri uffiċjali maħruġa nhar it-Tlieta. Ir-rata annwali tal-inflazzjoni f’April kienet ta’ 5.67%, żieda minn 4.43% mix-xahar ta’ qabel,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.
Il-laqgħa ġiet indirizzata mill-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU saħaq li tajjeb li jiġi nnotat li ż-żieda fl-inflazzjoni mhijiex indotta min-naħa tal-Gvern. Żied jgħid li hekk kif il-kumpens għaż-żieda fil-prezzijiet normalment tingħata fl-1 ta’ Jannar tas-sena 2023, huwa ġust li f’din iċ-ċirkostanza partikolari parti mill-COLA tinħareġ b’modimminenti biex tgħin lill-familji jlaħħqu mal-għoli tal-ħajja.
Il-Ministru Silvio Schembri qal li l-gvern anke f’din il-kwistjoni qed jintervjeni, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-prezzijiet tal-enerġija.