Il-Kap Taċ-Ċivil Bi Żjara Tal-Aħħar Lill-Ispeaker

 Il-Kap Taċ-Ċivil Bi Żjara Tal-Aħħar Lill-Ispeaker

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia laqa’ għandu għal żjara tal-aħħar lis-Sur Mario Cutajar li se jkun qed jirtira minn Segretarju Permanenti Ewlieni fi tmiem dan ix-xahar. Il-Kap tas-Servizz Pubbliku introduċa lis-Sur Tony Sultana li se jkun qed jassumi din il-kariga mill-1 ta’ Ġunju li ġej.

Is-Sur Cutajar u s-Sur Sultana awguraw lill-Ispeaker Anġlu Farrugia għat-tielet ħatra konsekuttiva tiegħu bħala Speaker tal-Kamra tad-Deputati. Is-Sur Cutajar ippreżenta lill-Ispeaker il-ktieb bl-isem ‘Public Service Reforms in a Small Island State – The Case of Malta’, li jittratta dwar kif is-Servizz Pubbliku mexa ‘l quddiem f’dawn l-aħħar seba’ snin. L-Ispeaker tal-Kamra ġie ppreżentat ukoll b’sett bolol kommemorattivi li nħarġu fl-okkażjoni tal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2022.

Min-naħa tiegħu l-Ispeaker Farrugia rringrazzja lis-Sur Cutajar għall-ħidma tiegħu bħala Kap tas-Servizz Pubbliku u tal-appoġġ li l-Uffiċċju tal-Ispeaker dejjem sab sabiex is-servizz parlamentari jkompli jsaħħaħ l-irwol awtonomu tiegħu. Huwa awgura lis-Sur Tony Sultana ħidma sfiqa fil-kariga li ġġib magħha tant responsabbiltà u li daqstant ieħor tista’ tissarraf f’ġid għall-poplu Malti.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia ppreżentalhom il-ktieb bl-isem ‘1921 Self-Government in Malta’, li l-Uffiċċju tiegħu kkummissjona f’għeluq il-mitt sena tal-Parlament Malti.​

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com