Il-Kardinal Mario Grech Meqjus Mal-Favoriti Biex Isir Papa Fil-Konklavi Li Jmiss
Saħħet il-Papa Franġisku qed tqajjem tħassib serju fil-Vatikan jekk hux se jkun jista’ jkompli bil-ħidma tiegħu. Dan wara problemi serji fl-irkoppa li mhux iħalluh jimxi bil-konsegwenza li qed ikollu juża siġġu tar-roti.
Fl-aħħar jiem kellu jħassar diversi appuntamenti sabiex ikun jista’ jistrieħ.
Dan kollu qed iqajjem spekulazzjonijiet dwar x’ħa jiġri u min jista’ jkun il-Papa li jmiss wara Franġisku.
Il-Kardinal Mario Grech huwa fost il-ftit kardinali li qed jissemmew bħala favoriti, b’ċans li jkun is-suċċessur ta’ Papa Franġisku fil-konklavi li jmiss.
Dan kien irraportat f’The Times of London fejn il-gazzetta għamlet analiżi wara li tkellmet ma’ diversi persuni qrib ħafna tal-Vatikan. Huma qalu li l-konklavi li jmiss se tkun taqtija bejn li jintgħażel Papa konservattiv jew wieħed liberali.
Hawnhekk issemma l-Kardinal Mario Grech li fil-preżent huwa s-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet. Huwa meqjus minn dawk ta’ madwaru bħala konservattiv però huwa viċin ħafna tal-Papa Franġisku fil-ħidma tiegħu u għalhekk qed jitqies bħala fost l-aktar favorit.
Flimkien ma’ Mario Grech qed jissemmew ukoll il-Kardinal Ungeriż Peter Erdo, l-Kardinal Olandiż Wim Eikj kif ukoll il-Kardinal Kanadiż Marc Ouellet. Fost dawk liberali qed jissemma l-Kardinal Taljan Pietro Parolin u l-Kardinal Filippin Luis Tagle.
Xi ħaġa li hemm dubju dwarha hi jekk il-Papa Franġisku hux se jkun qed jibqa’ jservi bħala Papa sakemm imut jew jagħmilx bħal Benedittu u jirtira. Għalkemm li jkun hemm żewġ Papiet ħajjin irtirati hija sitwazzjoni li tidher li qed tkun imwarrba.
Fil-preżent hemm 117-il Kardinal taħt it-80 sena li jistgħu jivvotaw f’konklavi. Minn dawn, 67 inħatru mill-Papa Franġisku, 38 mill-Papa Benedittu u 12 saru Kardinali fi żmien il-Papa San Ġwanni Pawlu II.