Il-Kunsill Amministrattiv Tal-PN B’Fiduċja Unanima Fil-Kap Bernard Grech Wara L-Allegazzjonijiet Ta’ Jason Azzopardi
F’laqgħa tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista li sar b’mod urġenti lbieraħ filgħaxija l-Kunsill esprima fiduċja b’mod unanimu fil-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.
Dan wara li Jason Azzopardi lbieraħ fuq il-mezzi soċjali tiegħu qal li l-Kap tal-PN ngħata donazzjoni ta’ flus għall-PN minn żewġ negozjanti li għandhom qarib tagħhom għaddej minn proċeduri kriminali b’rabta ma’ assassinju.
Jason Azzopardi qal li jinsab infurmat li qabel ma bdiet l-ikla, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ttieħed fil-ġenb minn dawn iż-żewġ qraba li semmewlu s-suġġett ta’ proklama għal dan l-akkużat. Dr Azzopardi żied jgħid li l-kap tal-partit nazzjonalista assigurahom li kieku jkun Prim Ministru kien ikun dispost jirrakkomanda l-għoti tal-proklama f’dan il-każ lill-akkużat.
Il-Kunsill Amministrattiv tal-PN fi stqarrija qal li Jason Azzopardi naqas li jissostanzja, quddiem il-Kummissjoni Etika, Dixxiplina u Media Soċjali tal-PN, l-allegazzjonijiet li għamel fuq il-mezzi soċjali.
Waqt il-laqgħa tal-amministrattiv kien ikkonfermat ukoll li fl-aħħar snin ma ngħataw l-ebda donazzjonijiet mill-familja Fenech.