Il-Membri Parlamentari Bl-Eżempju Jħeġġu Aktar Nies Jersqu Biex Jagħtu D-Demm
Minn mindu l-Parlament mexa għall-binja l-ġdida fid-daħla tal-Belt Valletta f’Mejju 2015, ta’ kull sena f’dan il-perjodu bdiet tiġi organizzata attività miċ-Ċentru Nazzjonali għat Trasfużjoni tad-Demm f’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-Ispeaker u d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittjiet tat-Tfal, sabiex ikun hawn aktar għarfien dwar il-bżonn li jiżdiedu n-nies li jagħtu d-demm.
Din is-sena din l-attività nżammet illum, il-11 ta’ Mejju 2022, quddiem il bini tal Parlament, bl-użu tal mobile unit taċ-Ċentru għat-Trasfużjoni tad-Demm. Matul l-attività kien hemm preżenti l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittjiet tat-Tfal Michael Falzon, id-Deputy Speaker David Agius, il-Whip tal-Gvern, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul u l-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar, kif ukoll il-membri parlamentari Michael Farrugia u Ivan Castillo.
F’kelmtejn li ta lill-media preżenti, l-Ispeaker Farrugia spjega li b’din l-attività annwali l-membri parlamentari bl-eżempju jkunu qed iħeġġu aktar Maltin u Għawdxin ikunu ġenerużi u jersqu biex jagħtu d-demm. Huwa spjega wkoll kif is-servizzi tas-saħħa f’Malta u Għawdex għandhom bżonn provvista kontinwa ta’ demm, u li għalhekk kull min jagħti d-demm ikun qed jagħmel ġest altruwist u att ta’ karità.
Ritratti: DOI