Il-MPE Alex Agius Saliba Magħżul Biex Jirrappreżenta Lill-Parlament Ewropew Fil-Kwartieri Ġenerali Tan-Nazzjonijiet Uniti

 Il-MPE Alex Agius Saliba Magħżul Biex Jirrappreżenta Lill-Parlament Ewropew Fil-Kwartieri Ġenerali Tan-Nazzjonijiet Uniti

Mill-14 sas-16 ta’ Ġunju, delegazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew għall-Monitoraġġ tal-Qafas tal-UNCRPD tal-Unjoni Ewropea ser tingħaqad mal-15-il sessjoni tal-Konferenza tal-Istati Partijiet għas-CRPD (COSP15) li ser issir fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

Il-MPE Alex Agius Saliba ġie nnominat mill-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi li jifforma parti minnu, bħala wieħed minn seba’ Membri tal-Parlament Ewropew minn tliet Kumitati Parlamentari li se jieħdu sehem fil-Konferenza tal-Istati Partijiet għall-UNCRPD fi New York, iġifieri l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet.

Fil-bidu tal-leġiżlatura tiegħu, il-MPE Laburista Agius Saliba ġie nnominat bħala rappreżentant tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet fuq il-Monitoraġġ tal-Qafas tal-UNCRPD tal-Unjoni Ewropea. Il-qafas tal-Unjoni Ewropea jiġbor data u informazzjoni biex jivverifika li l-liġi tal-Unjoni Ewropea u l-applikazzjoni tagħha huma koerenti mas-CRPD. Il-Parlament Ewropew jissorvelja l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ rapporti ta’ implimentazzjoni, rapporti dwar id-drittijiet tal-bniedem, mistoqsijiet orali, studji u valutazzjonijiet tal-implimentazzjoni.

Bħala rappreżentant tal-Monitoraġġ tal-Qafas tal-UNCRPD tal-Unjoni Ewropea fil-Parlament Ewropew, Agius Saliba se jkollu l-opportunità li jiddiskuti ma’ NGOs, entitajiet tan-Nazzjonijiet Uniti, Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem u entitajiet tas-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti differenti dwar il-bini ta’ soċjetajiet inklużivi u parteċipattivi għal nies b’diżabilità fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID u lil hinn minnha.

Il-MPE Agius Saliba ħadem bħala rapporteur għar-rapport dwar il-protezzjoni tal-persuni b’diżabilità, u talab lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jimplimentaw għadd ta’ inizjattivi mmirati biex jiżguraw li l-Istati Membri jkunu konformi mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Bħalissa, bħala l-kelliem tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet, il-MPE Agius Saliba qed jaħdem fuq il-fajl “Lejn drittijiet ugwali għall-persuni b’diżabilità”.

“Din il-Missjoni għall-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti hija kruċjali peress li l-persuni b’diżabilità għadhom jiffaċċjaw ostakli f’diversi oqsma fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, bħall-aċċess għat-trasport pubbliku, l-ambjent mibni, l-użu tal-lingwi tas-sinjali, paga ugwali u opportunitajiet indaqs ta’ xogħol, il-finanzjament jew l-aċċess ugwali għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. L-Unjoni Ewropea għandha d-dmir li twieġeb għat-tħassib taċ-ċittadini tagħha u li ttejjeb il-ħajja tal-persuni b’diżabilità f’Ewropa mingħajr ostakli. Dan huwa fundamentali biex jinkisbu l-inklużjoni soċjali u ekonomika u l-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità fis-soċjetà, ħielsa mid-diskriminazzjoni u b’rispett sħiħ tad-drittijiet tagħhom fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor,” qal il-MPE Agius Saliba.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com