Il-President Tal-Irlanda Bi Żjara Statali F’Malta – Imfaħħra R-Rabtiet U L-Affinitajiet Kulturali U Storiċi Bejn Iż-Żewġ Pajjiżi

 Il-President Tal-Irlanda Bi Żjara Statali F’Malta – Imfaħħra R-Rabtiet U L-Affinitajiet Kulturali U Storiċi Bejn Iż-Żewġ Pajjiżi

Il-President ta’ Malta George Vella laqa’ lill-President tal-Irlanda Michael D. Higgins fil-Palazz ta’ Sant’Anton, Ħ’Attard. Waqt it-taħditiet uffiċjali, iddiskutew fid-dettall l-istat u l-potenzjal tar-relazzjoni bilaterali bejn Malta u l-Irlanda u l-isforzi internazzjonali tagħhom fl-interess tal-paċi u l-istabbiltà. Iddiskutew ukoll diversi kwistjonijiet li bħalissa jinsabu fl-aġenda tal-Unjoni Ewropea, bħall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u t-Tkabbir.

Fl-indirizz tiegħu lill-midja flimkien mal-President tal-Irlanda, il-President Vella qal li matul it-taħditiet uffiċjali, indirizzaw l-iżvolġiment fl-Ukrajna u tenna t-tħassib serju ħafna tiegħu dwar id-diżastru umanitarju li qegħdin naraw ta’ kuljum. Il-President Vella semma wkoll l-impatt li kellha l-aggressjoni fuq l-istabbiltà internazzjonali u l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, kif ukoll ir-riperkussjonijiet ekonomiċi severi li qed jinħassu madwar id-dinja. Iż-żewġ presidenti tennew il-kundanna soda u ċara tagħhom għal din il-gwerra.

Il-President Vella tkellem dwar l-iżvilupp inkwetanti fil-Viċinat tan-Nofsinhar tal-UE – il-Mediterran – b’mod partikolari l-iżvilupp fl-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani.

Il-President tal-Irlanda esprima l-appoġġ tiegħu għal Malta, li huwa ddeskriva bħala pajjiż l-aktar espost għall-migrazzjoni irregolari. Żied jgħid li din hija responsabbiltà li għandha tiġi kondiviża u allokata biżżejjed riżorsi. F’dan ir-rigward, il-President Higgins qal li jinsab ħerqan li jżur l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil li tinsab f’Malta, u rringrazzja lil dawk li jaħdmu fiha għall-pariri strutturali tagħhom lill-pajjiżi li jiffaċċjaw il-migrazzjoni.

Il-President Higgins faħħar lil Malta talli tkun dejjem ippreparata sew fejn jidħlu l-affarijiet internazzjonali. Il-President tal-Irlanda esprima l-gratitudni tiegħu għal Malta talli mhux biss tifhem iżda tkun ukoll pożittiva fil-proposti tagħha mmirati biex jgħinu lill-Irlanda tiffaċċja l-konsegwenzi tar-relazzjoni bejn ir-Renju Unit u l-UE.

Fir-rigward tal-Futur tal-Ewropa, il-President Higgins tkellem dwar ir-rwol sinjifikanti ta’ Malta bħala pajjiż fil-Mediterran iżda wkoll bħala pajjiż li matul is-snin laqa’ taħlit ta’ ċivilizzazzjonijiet, reliġjonijiet u lingwi, fost l-oħrajn. Huwa faħħar it-tmexxija tal-President Vella fit-tħejjija tal-Laqgħa tal-Arraiolos, li ser issir Malta f’Ottubru, u żied jgħid li jinsab ħerqan li jipparteċipa fiha.

Iż-żewġ presidenti nnotaw li Malta u l-Irlanda għandhom rabtiet u affinitajiet kulturali u storiċi li huma riflessi fil-mod kif jaħsbu dwar diversi kwistjonijiet reġjonali u internazzjonali. In-newtralità taż-żewġ pajjiżi ssemmiet f’dan ir-rigward. Il-President Vella rrimarka li ż-żjara mill-President Higgins hija xhieda ta’ dawn ir-relazzjonijiet eċċellenti fl-oqsma kollha.

Filwaqt li feraħ lill-Irlanda għat-terminu tagħha bħala Membru mhux Permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (2021-2022), il-President Vella rrikonoxxa l-kooperazzjoni tal-Irlanda ma’ Malta hekk kif din qed taħdem biex tikseb dan is-siġġu għat-terminu 2023-2024.

Ara l-filmat:

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com