Il-Qorti Tordna L-Arrest Ta’ Mark Camilleri Wara Li Reġa’ Ma Tfaċċax
Il-Qorti talbet biex Mark Camilleri fis-seduta li jmiss jitressaq il-Qorti taħt arrest wara li naqqas milli jidher f’seduta oħra li saret dalgħodu li għaliha kien ġa mħarrek biex jidher.
L-ex Chairman tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri qed ikun akkużat b’akkużi kriminali ta’ fastidju u theddid fil-konfront tad-Deputat Laburista Rosianne Cutajar.
Waqt is-seduta ta’ dalgħodu, l-Maġistrat Simone Grech qalet li t-taħrika li ħarġet kienet waħda valida. Madankollu d-difiża qalet li Mark Camilleri kien qed jgħix barra minn Malta u li ma kienx ġie nnotifikat bit-taħrika.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Marcus Cachia qal li t-taħrika twasslet fl-indirizz tad-dar ta’ missier Camilleri.
Il-Qorti ħarġet mandat ta’ arrest u ordnat li Mark Camilleri jitressaq għas-seduta li jmiss taħt arrest.