“Illejla, Joħorġu L-Esperti Ta’ Kollox…Ejja Ma Nkunux Aħna Stess Li Nkissru L-Ambaxxatriċi Tagħna” – Wayne Aquilina
“Illejla, fuq facebook, joħorġu l-esperti ta’ kollox…tal-mużika, tal-vuċi, tal-moda, tal-korjografija…u din sena, naħseb anke tal-lingwa, insomma ta’ kollox.”
Hekk kiteb il-preżentatur televiżiv u Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina fuq il-mezzi soċjali tiegħu hekk kif issa verament fadal l-aħħar ftit sigħat biex tibda t-tieni semi finali tal-Eurovision li fiha se tieħu sehem Emma Muscat, il-kantanta Maltija bid-diska ‘I Am What I Am’.
Bħal kull sena fuq il-mezzi soċjali tibda tara diversi kummenti ta’ kritika, b’diversi drabi tinqabeż il-linja. Kulħadd għandu l-opinjonijiet tiegħu, u ħafna jgħidulek li finalment għandhom dritt jikkritika għaliex il-kantanta tkun qed tirrapreżenta lill-pajjiżna.
“Jekk Malta ngħaddu għall-finali, xi ħaġa xorta nsibu xi ngħidu żgur. Jekk ma tgħaddix mur oqgħod bl-ilsien ta’ dawn l-esperti eee!” Kompla jikteb Wayne Aquilina.
Huwa kompla jgħid li f’ġranet bħal-lum nibdew naqilgħu fuq kollox, “sa anke ndaħħlu terzi u għax missu mar dak jew marret dik. Jew kantajna hekk u mhux hekk, jew misna ma ħadniex sehem, jew m’għamilniex hekk! Insomma elf opinjoni.”
Wayne Aquilina tenna li m’għandux l-iċken dubju li Emma u kull min qiegħed magħha għamlu, qed jagħmlu u ser jagħmlu minn kollox biex isem Malta jkun mal-finalisti.
“Ejja ma nkunux aħna stess li nkissru l-ambaxxatriċi tagħna. Wara llejla, jekk ngħaddu għal finali, nhar is-Sibt nappoġġjaw lil Malta fil-finali (u jkollna aktar entużjażmu għall-festival) jekk ma ngħaddux, Emma tibqa’ Emma, ma tkun għamlet xejn ħażin biex aħna nbiddlu l-ħsieb tagħna fuqha,” temm jgħid Wayne Aquilina.
Awguri Malta…Awguri Emma Muscat!