Illejla L-Finali Tal-Eurovision – Ara Min Huma L-Aktar Ħames Kanzunetti Favoriti Li Jirbħu
Bla dubju l-Eurovision ta’ din is-sena fih sinifikat speċjali hekk kif qed isir waqt li għaddejja gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja. Żewġ pajjiżi li normalment ikunu qed jieħdu sehem fil-festival. Din is-sena r-Russja kellha tirtira minnu minħabba l-invażjoni tagħha fl-Ukrajna u l-qtil ta’ bosta nies ċivili.
Il-Eurovision qed iwassal ferħ u għaqda bejn il-pajjiżi fl-aktar mumenti kruċjali fejn fuq l-aħbarijiet qed nisimgħu biss bi qtil.
Hekk kif ninsabu ftit sigħat mill-finali tal-Eurovision li se jkun imxandar mad-dinja kollha minn Pala Olimpic Arena, f’Torin, id-djar tal-imħatri qed juru liem huma l-aktar favoriti li jirbħu.
Fl-ewwel post bħala l-aktar favorita nsibu l-kanzunetta tal-Ukrajna mill-grupp Kalush Orchestra bl-isem ta’ Stefania.
Hija diska kurrenti b’ħoss tradizzjonali li permezz tagħha x’taqu jgħollu l-moral tal-poplu Ukren.
Fit-tieni post insibu lir-Renju Unit bid-diska Space Man ta’ Sam Ryder.
Din is-sena r-Renju Unit jidher li ħaduha bis-serjetà b’diska b’saħħitha ferm, wara d-diżastru tas-sena li għaddiet.
Sam Ryder huwa kantant popolari ferm b’12.4 miljun follower fuq TikTok u 3.4 miljun follower fuq Instagram.
Fit-tielet post id-djar tal-imħatri qed ipoġġu lil Corelia Jakobs tal-Iżvezja bid-diska Hold Me Closer.
L-Iżvezja rebħu l-Eurovision sitt darbiet, bl-aħħar rebħa tagħhom tkun seba’ snin ilu bil-kantant Mans Zelmerlow bid-diska Heroes.
Diversi kritiċi faħħru d-diska ta’ din is-sena u qed jagħmluha fost l-aqwa ħamsa.
Mahmood u Blanco tal-Italja bid-diska Brividi wkoll qed iħabbtuha mal-aqwa ħamsa.
Mahmood diġà ħa sehem fil-Eurovision fl-2019 bid-diska Soldi fejn kien kwalifika fit-tieni post.
Fil-ħames post id-djar tal-imħatri qed ipoġġu d-diska ta’ Spanja SloMo ta’ Chanel.
Diska li r-ritmu tagħha jagħmilha mal-favoriti, tal-anqas jittamaw li jmorru ferm aħjar mis-sena l-oħra fejn ġew it-tielet mill-aħħar.