Imniedi L-Programm Tal-Karnival Reġjonali Ta’ Għawdex

 Imniedi L-Programm Tal-Karnival Reġjonali Ta’ Għawdex

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nieda l-programm uffiċjali tal-Karnival Reġjonali t’Għawdex – edizzjoni speċjali, organizzat mill-Kumitat Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali, fi ħdan il-ministeru.

Il-Ministru Clint Camilleri qal li hu ta’ pjaċir li l-Karnival Reġjonali ta’ Għawdex ser jerġa’ jiġi organizzat wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija. Il-Ministru Camilleri spjega li din l-attività toffri valur u tagħti kontribut kemm soċjali kif ukoll ekonomiku lil Għawdex.

“Għawdex stabbilixxa ruħu bħala destinazzjoni kulturali mill-aqwa matul l-aħħar snin u l-Karnival Reġjonali, organizzat mill-Ministeru għal Għawdex, hu wieħed mill-akbar manifestazzjonijiet ta’ dan. Għalhekk, se nkomplu ninvestu u nagħtu sostenn biex inkomplu nsaħħuħ,” qal il-Ministru Camilleri.

Il-Ministru għal Għawdex qal li jinsab ċert li din l-edizzjoni speċjali ser tkun waħda ta’ suċċess u fakkar li l-ministeru, minkejja l-limitazzjonijiet marbuta mal-pandemija, xorta waħda organizza attivitajiet statiċi relatati mal-Karnival fi Frar. Hu rringrazzja lill-Kumitat Ċelebrazjonijiet Nazzjonali u Reġjonali kif ukoll it-Taqsima tal-Kultura fi ħdan id-Direttorat għall-Wirt Kulturali li qed jorganizza din l-edizzjoni speċjali tal-Karnival.

Il-Ministru Camilleri rringrazzja wkoll lill-voluntiera għad-dedikazzjoni u l-ħin tagħhom fil-preparazzjonijiet għal din il-festa ta’ kuluri u briju, li fiha innifisha hi vetrina tat-talent Għawdxi.

Mons. Dr. Joseph Vella Gauci, iċ-Chairman tal-Kumitat Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali, qal li minkejja d-diffikultajiet tal-pandemija, il-kumitat baqa’ impenjat li jorganizza Karnival matul l-aħħar sentejn. Hu esprima s-sodisfazzjon tiegħu li issa li l-miżuri tneħħew, il-kumitat lest biex jorganizza l-karnival fiċ-ċentru tal-Belt Victoria.

Il-Karnival Reġjonali ta’ Għawdex ser jinżamm bejn il-Ġimgħa 20 u l-Ħadd, 22 ta’ Mejju. Il-programm jinsab fuq is-sit visitgozo.com.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com