Imniedi Programm T’Attivitajiet Għall-Edizzjoni Speċjali Tal-Karnival F’Mejju

 Imniedi Programm T’Attivitajiet Għall-Edizzjoni Speċjali Tal-Karnival F’Mejju

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-programm ta’ attivitajiet tal-edizzjoni speċjali tal-Karnival ta’ Malta li jibda bħal-lum ġimgħa bejn l-20 u t-22 ta’ Mejju 2022.  Dan l-avveniment se jkun qed jiġi organizzat minn Festivals Malta.

Waqt l-indirizz tiegħu, il-Ministru Bonnici spjega li l-Karnival huwa wieħed mill-iżjed pilastri importanti fil-kalendarju kulturali Malti. “Dawn l-aħħar sentejn, kienu żminijiet li minħabba l-pandemija ma stajniex niċċelebraw il-Karnival bil-mod kif imdorrijin nagħmlu, imma fl-aħħar il-poplu Malti u Għawdxi jista’ jerġa’ jgawdi dan l-avveniment li hu tant għal qalb in-nies”, qal il-Ministru Bonnici.

Il-Ministru Bonnici rringrazzja l-ħafna voluntiera tad-dedikazzjoni u l-ħin tagħhom fil-preparazzjonijiet għal dan l-avveniment, li fiħ jiġbor numru ta’ talenti u ħiliet differenti.

Aktar kmieni din is-sena, sar programm ridott tal-Karnival ta’ Malta sabiex xorta waħda ġie ċċelebrat fil-parametri imposti mill-awtoritajiet tas-saħħa f’dawk iż-żminijiet.

“Naf kemm id-dilettanti tal-karnival jiddedikaw ħin minn ħajjithom u minn mal-familji tagħhom biex ikunu jistgħu jtellgħu dan ix-xogħol, li għalihom mhux biss huwa delizzju, iżda huwa parti sinifikanti mill-ħajja tagħhom. Festivals Malta ħass li għandu jonora din id-dedikazzjoni b’edizzjoni speċjali”, qal iċ-Chairman ta’ Festivals Malta Norman Hamilton.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Annabelle Stivala qalet li wara l-edizzjoni ta’ Frar inħass il-bżonn li issa li l-ħajja sejra lura għan-normal, attivitajiet li ma setgħux isiru fl-edizzjoni ta’ Frar jiġu ppreżentati fi programm speċjali f’Mejju, sabiex id-dilettanti kollha jkunu jistgħu jgawdu xogħolhom, kif xieraq. “Mingħajr id-dedikazzjoni tal-komunità tagħna, il-Karnival ma’ jsirx. Għalhekk, Festivals Malta ħass li d-dilettanti tal-Karnival jistħoqqilhom li jiċċelebraw din it-tradizzjoni kulturali hekk importanti għal pajjiżna kif suppost”, qalet is-Sinjura Stivala.

Id-Direttur Artistiku Jason Busuttil spjega li l-programm ta’ din l-edizzjoni jinkludi sfilata ta’ stallazzjonijiet li kkompetew fi Frar flimkien mar-Re tal-Karnival u l-maskaruni, il-parata u kompetizzjonijiet taż-żfin ġewwa l-arena fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt. Is-Sibt filgħodu ser jirritorna l-Karnival tat-Tfal ġewwa l-arena u s-Sibt u l-Ħadd ser naraw il-Qarċilla mill-pinna ta’ Ċikku l-Poplu li ser issir quddiem il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt.

“Il-programm karnevalesk ser jinkludi wkoll ċelebrazzjonijiet tal-karnival f’diversi rħula madwar Malta, fosthom Karnival spontanju f’Ħal Għaxaq u l-famuż Ballu Tritoni, b’kollaborazzjoni mal-Valletta Cultural Agency, li ser isir matul it-tlett ijiem tal-Karnival fi Pjazza Tritoni, l-Belt”, ikkonkluda s-Sur Busuttil.

Biljetti jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit elettroniku ta’ Festivals Malta, www.festivals.mt/karnival, jew mit-Tourist Information Office li jinsab fi Pjazza Tritoni, l-Belt Valletta.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com