Inawgurat Ċentru Għat-Terapija Ta’ Integrazzjoni Sensorja Fl-Iskola Primarja Tal-Marsa

 Inawgurat Ċentru Għat-Terapija Ta’ Integrazzjoni Sensorja Fl-Iskola Primarja Tal-Marsa

Ċentru għat-Terapija ta’ Integrazzjoni Sensorja, b’investiment ta’ €2.4 miljun, ġie inawgurat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, fl-Iskola Primarja tal-Marsa, li hi parti mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca. Dan l-investiment wassal biex issa pajjiżna għandu l-ewwel ċentru speċjalizzat għat-terapija ta’ integrazzjoni sensorja.

Iċ-ċentru kien inawgurat wara ftehim li ntlaħaq u kien iffirmat bejn il-ministeri tas-saħħa u tal-edukazzjoni li permezz tiegħu l-Ministeru għas-Saħħa qiegħed jipprovdi s-servizz ta’ terapija u occupational therapists, filwaqt li l-Ministeru għall-Edukazzjoni pprovda s-sular ta’ fuq tal-binja tal-iskola, servizz ta’ amministrazzjoni, kif ukoll servizz tal-psikologi mid-Dipartiment tan-National School Support Services fi ħdan il-ministeru.

Il-proġett ġie ffinanzjat mill-EEA u Norway Grants. Permezz tal-fondi ġie rranġat il-post, inxtara t-tagħmir, u ngħata, u se jkompli jingħata matul din is-sena, taħriġ speċjalizzat lill-istaff kollu fl-Ischool Psychological Services, filwaqt li hemm iktar taħriġ ippjanat. Sar ukoll xogħol fi bdil ta’ prassi u proċeduri biex is-servizz ikun aktar effiċjenti u professjonali. Servizz ukoll li jilqa’ għall-isfidi u jaqdi l-bżonnijiet tat-tfal fl-iskejjel.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega li l-istudji juru li wieħed minn kull għaxart itfal ibagħtu mill-Autism Spectrum Disorder, għalkemm is-severità tal-kundizzjoni tvarja. Huwa għalhekk li l-gvern f’dawn l-aħħar snin żied l-investiment fis-servizzi offruti lil dawn l-individwi, minn età tenera. Chris Fearne sostna li t-tip ta’ terapija innovattiva li se tiġi offruta lit-tfal ta’ bejn l-4 u s-16-il sena f’dan iċ-ċentru l-ġdid se tkun qed tingħata minn għaxar occupational therapists, żewġ fiżjoterapisti, u żewġ patologisti tal-lingwa mitkellma, li ġew imħarrġa speċifikament għal dawn il-klijenti.

Il-programmi ta’ integrazzjoni sensorja jitfasslu b’mod speċifiku u individwali u jikkonsistu f’terapija intensiva ħafna u bi frekwenza spissa għal perjodu li jvarja skont il-bżonn tat-tifel jew tifla. Minbarra l-programm ta’ integrazzjoni sensorja f’dan iċ-ċentru qed jiġi offrut ukoll programm ġdid li jindirizza diffikultajiet fl-ikel tat-tfal, imsejjaħ ‘The Sequential Oral Sensory Feeding Approach’.

“Hija prijorità li dan il-gvern jara li tingħata edukazzjoni sħiħa, inklussiva u wkoll waħda li tkun ħolistika”, qal il-Ministru Clifton Grima. “Dan huwa servizz ta’ eċċellenza għat-tfal li jattendu l-iskejjel tagħna. Bħala ministeru għandna tim b’saħħtu li jmexxi servizz tal-psikologi fl-iskejjel u li jaħdem biex jippromwovi ambjent psiko-edukattiv san. Nemmnu li l-investiment qawwi u inklussiv fit-tfal tagħna jiggarantixxi suċċess għalihom, għas-soċjetà, u għal pajjiżna”, qal il-Ministru Clifton Grima.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonnett qal li dan il-proġett ġie ffinanzjat mill-fondi taż-Żona Ekonomika Ewropea, li huma n-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein. Huwa qal li f’Ġunju 2018 pajjiżna ngħata €8 miljun minn dan il-fond – żieda ta’ €3 miljun mill-programm ta’ qabel biex pajjiżna wettaq dan il-proġett u ħames proġetti oħra li jittrattaw l-iżvilupp lokali u t-tnaqqis tal-faqar. Għaldaqstant qal li jħares ‘il quddiem sabiex Malta ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali li bniet ma’ dawn il-pajjiżi, u li fil-mument opportun, inkunu nistgħu inħabbru aktar proġetti minn ftehim simili.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com