Inawgurat Il-Proġett Tal-Mużew Tat-Tunnara

 Inawgurat Il-Proġett Tal-Mużew Tat-Tunnara

Tlesta x-xogħol fuq il-proġett tal-Mużew tat-Tunnara b’investiment ta’ kważi nofs miljun ewro, li 80% minnhom kienu kofinanzjati minn fondi Ewropej.

Il-proġett ġie inawgurat mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, u mis-Sindku tal-Mellieħa Dario Vella.

Dan l-investiment sar wara li fl-2015 ġew innutati ħsarat fuq l-istruttura tal-mużew. Għaldaqstant, permezz ta’ dan il-proġett, sar restawr fuq il-binja tal-mużew u saru xogħlijiet ta’ tisbiħ fil-madwar biex iż-żona issir aktar attraenti għat-turisti.

Il-mużew inbidel f’ċentru għall-interpretazzjoni interattiva fejn il-viżitaturi jistgħu jaraw b’mod interattiv kif kien isir is-sajd għat-tonn fl-imgħoddi.

Bis-saħħa ta’ dan l-investiment qiegħed jiġi stmat li se jkun hemm żieda ta’ madwar 1,000 viżitatur li jiġu jżuru dan il-mużew.

Fl-inawgurazzjoni, is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li dan il-proġett ġie parzjalment finanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Is-Segeretarju Parlamentari Bonett qal li bis-saħħa tal-fondi Ewropej qed insalvaw binja storika u ninvestu f’mużew li huwa parti mill-wirt kulturali tagħna. Għaldaqstant, hu qal li twettaq proġett ieħor li mhux biss se jitgawda mill-poplu malti imma anki mit-turisti li jiġu jżuru l-lokalità tal-Mellieħa.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li l-Gvern impenjat li postijiet storiċi bħal dan il-mużew jibqgħu jiġu restawrati sabiex il-wirt kulturali Malti jibqa’ jiġi apprezzat mill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. “Restawr ta’ ġawhar storiċi kulturali mhux biss importanti biex nagħrfu u nirrispettaw il-wirt ta’ missirijietna, imma nkunu wkoll qed noħolqu valur ġdid fil-lokalitajiet tagħna” qalet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Is-Sindku Dario Vella qal li illum għandna post li bis-saħħa ta’ dan l-investiment m’għadux jingħaraf u li ngħata d-dehra xierqa li jistħoqqlu. Qal li dan il-mużew li jagħmel parti importanti mill-wirt storiku lokali sar attrazzjoni speċjali u unika li jista’ jitgawda mhux biss mill-poplu Malti, iżda anke mill-eluf ta turisti li jagħżlu l-Mellieħa bħala d-destinazzjoni għall-vaganzi tagħhom.

Il-Mużew Marittimu tat-Tunnara nbena tliet mitt sena ilu fi żmien il-Gran Mastru Perellos.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com