Inawgurat Kumpless Ġdid Tal-Unità Għall-Kura, Riintegrazzjoni U Edukazzjoni Fi Ħdan L-Aġenzija Għas-Servizzi Korrettivi
B’investiment ta’ €300,000, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi s-Sur Robert Brincau, inawgura l-kumpless il-ġdid tal-Unità għall-Kura, Riintegrazzjoni u Edukazzjoni fi ħdan l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi.
Dan il-kumpless jilqa’ fih lit-32 professjonisti li jaħdmu flimkien mal-priġunieri fil-Faċilità Korrettiva. Dawn il-ħaddiema jinkludu psikologi, assistenti psikologi, koordinaturi tal-pjanijiet ta’ kura tar-residenti, ħaddiema soċjali u koordinaturi tal-isport.
Il-Ministru Camilleri spjega li fl-aħħar snin sar investiment fir-riżorsa umana sabiex ikun hemm aktar professjonisti li jaħdmu flimkien mal-priġunieri fil-proċess rijabilitattiv tagħhom li se jwassal għall-riintegrazzjoni fis-soċjetà.
“Fl-istess ħin li investejna fir-riżorsa umana, rajna li jkun hemm investiment f’post fejn dawn il-professjonisti jkunu jistgħu jaħdmu flimkien mal-priġunieri li għada pitgħada se jkunu qed jirritornaw lura fis-soċjetà. Din il-ħidma qed tħalli l-frott”, stqarr l-Ministru Camilleri.
Il-Kap tad-Dipartiment tal-Kura, Riintegrazzjoni u Edukazzjoni fi ħdan l-Aġenzija għas-Servizzi Korettivi, Mariella Camilleri, spjegat li kull persuna li tidħol fil-Faċilità Korrettiva jsirilha pjan ta’ kura li jkun imfassal fuq il-ħtiġijiet tal-individwu. “L-għan tagħna huwa li persuna toħroġ persuna aħjar minn kif tkun daħlet fil-faċilità”, qalet Mariella Camilleri.
Il-Psikologu Ewlieni Dr Kevin Sammut Henwood qal li fil-binja li ġiet inawgurata, il-professjonisti jinsabu miġbura kollha flimkien u hemmhekk issir il-ħidma fuq il-pjan ta’ ħidma tal-priġunieri ħalli fl-aħħar mill-aħħar din il-ħidma twassal sabiex tonqos ir-rata ta’ riċediviżmu.
Ritratti: DOI