Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar Ikompli Bl-Aħħar Żjarat Tiegħu F’Dan L-Irwol

 Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar Ikompli Bl-Aħħar Żjarat Tiegħu F’Dan L-Irwol

“Grazzi tal-kollaborazzjoni tagħkom matul dawn is-snin, li permezz tagħha għamilna bidliet kbar fis-Servizz Pubbliku għall-ġid tal-poplu Malti.” Dan kien il-messaġġ tas-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar waqt l-aħħar żjarat li għamel lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku (PSC) u lill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali (NAO). Matul dawn iż-żjarat is-Sur Cutajar introduċa lis-Sur Tony Sultana, li se jkun is-suċċessur tiegħu mill-1 ta’ Ġunju 2022.

Waqt iż-żjara li saret fil-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku fil-Belt Valletta, is-Sur Cutajar irringrazzja lill-membri tal-kummissjoni talli fejn kien meħtieġ ħadmu id f’id. Din il-ħidma wasslet biex iddaħħlu riformi li taw wiċċ aktar uman lis-Servizz Pubbliku. Semma wkoll kif fl-aħħar disa’ snin iddaħħlu 1,250 miżura immirati speċifikament għat-tnaqqis tal-burokrazija żejda u b’hekk żiedu l-effiċjenza fis-Servizz Pubbliku.

Is-Sur Cutajar u s-Sur Sultana żaru wkoll l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, li ġie deskritt bħala stakeholder importanti biex is-Servizz Pubbliku jżomm l-ogħla standards ta’ governanza u kontabilità. L-Awditur Ġenerali Charles Deguara rringrazzja lis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar talli dejjem kellu l-akbar rispett lejn l-istituzzjonijiet. Semma kif, taħt it-tmexxija tiegħu, għall-ewwel darba s-Servizz Pubbliku mhux biss ħa nota tar-rapporti annwali li joħorġu mill-istituzzjonijiet ta’ verifika fosthom l-NAO, talli joħroġ it-tweġiba tiegħu b’dettalji dwar l-implimentazzjoni ta’ kull rakkomandazzjoni li ssir lis-Servizz Pubbliku. Min-naħa tiegħu, is-Sur Cutajar qal li l-aħħar figuri juru twettiq ta’ 90% tar-rakkomandazzjonijiet tal-NAO, liema figuri kienu kkonfermati mill-NAO stess.

Waqt dawn iż-żjarat, ġew preżentati sett ta’ bolol kommemorattivi li nħarġu fl-okkażjoni tal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2022. Dawn il-bolol jagħtu ġieħ lix-xogħol tal-uffiċjali pubbliċi li f’kull ċirkustanza l-pajjiż sabhom spalla ma’ spalla miegħu.  ​

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com