Is-Sena Li Għaddiet Kien Hemm 21,392 Persuna Rreġistrati Mal-Kummissjoni Għad-Drittijiet Ta’ Persuni B’Diżabilità

 Is-Sena Li Għaddiet Kien Hemm 21,392 Persuna Rreġistrati Mal-Kummissjoni Għad-Drittijiet Ta’ Persuni B’Diżabilità

Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) ppreżentat ir-Rapport Annwali tagħha għas-sena 2021. Mir-Rapport Annwali jirriżulta li sal-aħħar ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni kellha rreġistrati magħha 21,392 persuna b’diżabilità, żieda ta’ 1,687 persuna fuq is-sena ta’ qabel. Mit-total ta’ persuni b’diżabilità rreġistrati fl-2021, 17,014 persuna jirriżulta li għandhom diżabilità fiżika.

Għall-preżentazzjoni tar-Rapport Annwali attendiet il-Ministru għall-Inklużjoni, Għaqdiet Volontarji u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli.

Kien spjegat li fl-2021, infetħu 422 każ mal-Kummissjoni u minn dawn ingħalqu b’suċċess 174 każ, jiġifieri 41.2%. Din iċ-ċifra teskludi n-numru ta’ każi li nfetħu dwar l-użu tal-blue badges. In-numru ta’ każi miftuħa fl-2021 huwa 24% inqas meta mqabbel mas-sena 2019, proprju qabel il-pandemija COVID-19. Il-każi kollha li kienu miftuħa mas-CRPD li kellhom x’jaqsmu mas-settur tas-saħħa kienu solvuti kollha. Mill-każi li kienu miftuħa dwar housing, 82.4% ġew magħluqa.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet kif matul l-2021, is-CRPD rat kif il-messaġġ li pajjiżna jkun il-wiċċ tal-inklużjoni mhux biss jasal bħala messaġġ iżda jissarraf fil-prattika b’mod tanġibbli. Hija rrimarkat kif matul l-2021, kienet sena ta’ riformi għas-settur tad-diżabilità kif ukoll għall-Kummissjoni. Il-Ministru spjegat kif “waħda mir-riformi importanti kienet li s-CRPD tissaħħaħ fuq livell regolatorju.” Fil-fatt, matul l-2021, beda l-proċess biex isir it-trasferiment tal-blue badges mill-Kummissjoni għall-Aġenzija Sapport. Dan il-proċess daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu ta’ din is-sena.

Il-Ministru kkonkludiet li l-Gvern huwa impenjat li jkompli jagħti l-għodda neċessarja lill-persuni b’diżabilità kif ukoll lill-entitajiet li jaħdmu qatigħ għal dawn il-persuni.

Min-naħa tagħha, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilita’ Samantha Pace Gasan irrimarkat kif is-sena 2021 kienet l-ewwel sena tagħha bħala Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u waħda mill-ewwel deċiżjonijiet tagħha kienet li tiltaqa’ mal-għaqdiet volontarji kkonċernati u d-disabled people organisations kollha, kif ukoll ma’ numru sostanzjali ta’ fornituri tas-servizz. Hija spjegat kif  dan wassal biex is-CRPD kellha l-ewwel strateġija tagħha, bi prijoritajiet ċari, sabiex issaħħaħ il-vuċi tal-persuni b’diżabilità f’Malta u Għawdex, filwaqt li tiżgura li s-soċjetà Maltija tkompli tersaq lejn aktar inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità.

Fost affarijiet oħra r-Rapport Annwali jagħti ħarsa dettaljata lejn ħidmet  it-taqsimiet li jiffurmaw il-Kummissjoni. Matul l-2021, s-CRPD ippubblikat l-ewwel strateġija tagħha kif ukoll organizzat total ta’ 106 sessjoni ta’ taħriġ intitolat Disability Equality Training. Dan it-taħriġ ingħata lil aktar minn 1,750 persuna, żieda ta’ aktar minn 700 ruħ meta mqabbel mas-sena 2020.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com