“Itfalna Bewsa Bħal Ma Kont Tħobb Tagħmel” – Puttinu Cares Isellmu L-Memorja Ta’ Charlize Agius
“Kif nistgħu ninsew dak il-wiċċ gustuż u dak il-ħlewwa ta’ karattru? Kif nistgħu ntaffu l-vojt, id-dmugħ u l-uġigħ li tħalli l-firda minn miegħek.”
Dan kien il-messaġġ li kitbu Puttinu Cares ftit tal-ħin ilu fuq il-mazzi soċjali tagħhom wara li tħabbret il-mewt taż-żagħżugħa ta’ 16-il sena Charlize Agius.
“Kemm aħna kburin bik u kemm għallimtna l-paċenzja. Ommok Rona Agius, Missierek Rudybens Agius u oħtok Latoya batew wisq jarawk għaddejja minn mumenti iebsin. Kieku setgħu taw ħajjithom biex iżommuk magħhom,” kitbu b’qalbhom maqsuma għal din l-aħbar Puttinu Cares.
Huma komplew jgħidu li Charlize kellha mħabba bla qies mill-familja u mill-ħbieb kollha tagħha li ammiraw l-kuraġġ tagħha.
“Itlob għalina mill-ġenna u żomm idejk fuq il-familja sabiħa tiegħek. Itfalna bewsa bħal ma kont tħobb tagħmel. Inħobbok għal dejjem,” temmew jgħid Puttinu Cares.
Strieħ fis-sliema Charlize!