Jiġi Fi Tmiemu L-Festival Internazzjonali Tal-Logħob Tan-Nar 2022 – Phoenix Tar-Renju Unit Fl-Ewwel Post
Nhar is-Sibt 30 ta’ April 2022, ġie fi tmiemu il-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar b’wirja spettakolari fil-Port il-Kbir.
Din kienet fil-fatt il-wieħed u għoxrin edizzjoni ta’ dan il-Festival Internazzjonali, organizzat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu – festival li issa sar parti intrinsika mill-kalendarju ta’ attivitajiet li jiġu organizzati tul is-sena.
L-edizzjoni 2022 tal-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar bdiet fl-20 ta’ April fil-Port il-Kbir, b’wirjiet fit-22 ta’ April, ġewwa l-Mellieħa; fit-23 ta’ April ġewwa l-Bajja ta’ Marsalforn; fis-26 ta’ April fiż-żona taż-Żonqor f’Wied il-Għajn, u fl-Imqabba fid-29 ta’ April, qabel il-Grand Finale fil-Port il-Kbir.
B’kollox din is-sena ħadu sehem, 24 Kamra tan-Nar u 52 Għaqda, filwaqt li għall-kompetizzjoni ħadu sehem 6 Għaqdiet Lokali, u tlett għaqdiet internazzjonali li ġew mill-Italja, mir-Renju Unit u mill-Estonja.
Intant, nhar is-Sibt li għadda, ġew imħabbra ir-riżultati tal-kompetizzjoni, fejn fit-tielet post ġiet il-Kamra tan-Nar ta’ Sant’ Andrija (Luqa), segwiti minn Magic Fire (Italja) fit-Tieni Post, u Phoenix (Renju Unit) li ġew ikklassifikati fl-ewwel post. Dawn ġew ippreżentati bi trofew ta’ l-okkażjoni mill-Onorevoli Clayton Bartolo, Ministru għat-Turiżmu, li kien akkumpanjat minn Dott. Gavin Gulia, Chairman ta’ l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.