Jinqabad Isuq B’130 F’Żona Ta’ 70 Kilometru Fis-Siegħa – Il-Pulizija B’Diversi Spezzjonijiet Fis-Swieqi

 Jinqabad Isuq B’130 F’Żona Ta’ 70 Kilometru Fis-Siegħa – Il-Pulizija B’Diversi Spezzjonijiet Fis-Swieqi

Illum kompliet is-sorveljanza fit-toroq dwar abbuż ta’ sewqan eċċessiv u ksur ta’ regolamenti oħra tat-traffiku f’operazzjoni konġunta li saret bejn il-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan, is-sezzjoni tat-Traffiku u tal-Pulizija għall-Komunità ta’ Pembroke u Swieqi.

Dawn l-ispezzjonijiet kontinwi jsiru sabiex is-sewwieqa jkunu konxji li jekk iseħħ inċident, mhux huma biss jistgħu jweġġgħu, iżda jistgħu jweġġgħu persuni oħra li jkunu għaddejjin mill-istess toroq, u saħansitra tali inċidenti jistgħu jwasslu anke għall-affarijiet aktar serji.

Jiem bħal Ħdud, meta ħafna mit-toroq jkunu iktar battala minn ġranet oħra, l-abbuż fis-sewqan ikun akbar. Minkejja d-diversi appelli li jagħmel il-Korp tal-Pulizija, illum, l-uffiċjali reġgħu kienu impenjati f’aktar kontrolli f’toroq arterjali sabiex jaqta’ dan l-abbuż.

Dalgħodu, waqt spezzjonijiet li saru fi Triq Sant’Andrija, fis-Swieqi, f’temp ta’ siegħa u nofs, il-Pulizija ħarġu madwar 30 taħrika rigward sewqan eċċessiv, f’żona ta’ 70 kilometru fis-siegħa.

Fost it-taħrikiet, dawn ingħataw lil sewwieq ta’ BMW li nqabad isuq b’130 kilometru fis-siegħa, lis-sewwieq ta’ Audi A4 li nqabad isuq b’120 kilometru fis-siegħa u taħrika oħra ngħatat lis-sewwieq ta’ Toyota Corolla li nqabad isuq b’121 kilometru fis-siegħa. Inħarġu wkoll taħrikiet lil sewwieqa oħra li nqabdu jsuqu bejn 91 kilometru fis-siegħa u 107 kilometri fis-siegħa, fl-istess żona ta’ 70 kilometru fis-siegħa.

Fl-istess triq, ingħataw ukoll kontravenzjonijiet rigward irregolaritajiet oħra, fosthom sewqan mingħajr ċintorin tas-sigurtà, vetturi li ma kellhomx numri tar-reġistrazzjoni imwaħħlin, vetturi b’tinted glass, u sewqan perikoluż.

Il-kelliem tal-Korp tal-Pulizija spjega li “mill-ewwel tas-sena sal-bieraħ, is-Sezzjoni tat-Traffiku waħedha ħarġet mal-2,400 ċitazzjoni fuq sewqan eċċessiv. Għalhekk l-appell tagħna mill-ġdid huwa biex wieħed josserva l-limitu tal-veloċità u jobdi r-regolamenti kollha tat-traffiku. Aħjar minuta tard milli qatt”.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com