Jinstab L-Ewwel Każ Ta’ Ġidri Tax-Xadini F’Malta – Ir-Raġel Intalab Jagħmel Iżolament Id-Dar

 Jinstab L-Ewwel Każ Ta’ Ġidri Tax-Xadini F’Malta – Ir-Raġel Intalab Jagħmel Iżolament Id-Dar

L-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika ġew notifikati li persuna residenti f’Malta nstab pożittiv għall-Monkeypox. Ir-raġel ta’ 38 sena kien imsiefer riċentament f’pajjiż fejn ġew ikkonfermati xi każijiet ta’ Monkeypox.

Ir-raġel għandu sintomi ħfief u ma għandux ħtieġa li jkun ikkurat l-isptar. Fil-fatt intalab jagħmel iżolament id-dar.

Fi stqarrija, l-Ministeru għas-Saħħa qal li l-Monkeypox hija infezzjoni rari kkawżata minn virus li ma jinxteridx faċilment minn persuna għal oħra. Fil-maġġoranza tal-każijiet hija marda ħafifa li ma jkunx hemm bżonn kura għaliha u l-pazjent jirkupra minnha fi ftit ġimgħat.

L-ewwel sintomi tal-Monkeypox jinkludu deni, uġigħ ta’ ras, uġigħ fil-muskoli, uġigħ fid-dahar, glandoli ffjammati, tkexkix ta’ bard u għejja. Jista’ jiżviluppa wkoll raxx, li ħafna drabi jibda’ fil-wiċċ, imbagħad jinfirex ma’ partijiet oħra tal-ġisem. Ir-raxx jinbidel u jgħaddi minn ħafna stadji sakemm fl-aħħar jifforma qoxra, li taqa’ wara ftit żmien.

L-Awtoritajiet tas-Saħħa jfakkru li huwa dejjem importanti li żżomm idejk indaf u li taħsel idejk ta’ spiss bl-ilma u s-sapun jew b’sanitiser li fih l-alkoħol, speċjalment wara li tiġi f’kuntatt ma’ xi ħadd li jkun ma jiflaħx.

Matthew Pullicino

Insegwi b'mod attiv dak kollu li jkun qed jiġri, kemm lokali kif ukoll internazzjonali. Naffaxina ruħi bl-istorja, arti u kultura li għandna f'pajjiżna u dak kollu li huwa Malti. Naħdem ħafna qrib għaqdiet volontarji fil-qasam kulturali u l-esperjenza tiegħi f'dan ix-xogħol nieħu pjaċir naqsamha ma' ħaddieħor.