Jitnieda Taħriġ Tad-Digital Marketing Għall-Kunsilli Lokali
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, flimkien mal-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Mario Fava, fetħu sessjoni ta’ taħriġ fuq digital marketing immirat għall-kunsilli lokali. Prinċipalment dan it-taħriġ jinkludi għarfien fuq social platforms tal-media.
L-iskop ta’ dan it-taħriġ huwa sabiex il-kunsilliera jiggwadanjaw aktar għarfien ta’ kif jistgħu jagħmlu użu aħjar biex jimmassimizzaw l-użu tal-midja soċjali u kif jikkomunikaw b’mod effettiv mal-pubbliku.
Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli saħqet li l-kunsilli lokali jwettqu ħafna xogħol favur il-ġid tar-residenti u l-lokalitajiet tagħna, u li r-residenti jeħtieġ li jkunu jafu bihom, inkluż ukoll id-diversi servizzi li jingħataw mill-kunsilli lokali. “Kemm domt inservi fil-kariga ta’ sindku rrealizzajt kemm ħafna mir-residenti ma jafux b’servizzi li l-kunsill lokali jkun qed jagħti fil-lokalità tagħhom,” qalet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Għaldaqstant, permezz ta’ dan it-taħriġ, il-kunsilli lokali ser ikollhom għodda li permezz tiegħu ser jkunu aktar viċin ir-residenti.
“Permezz tat-taħriġ li qegħdin norganizzaw illum għall-kunsilliera u għall-ħaddiema tal-kunsilli lokali, ser nassiguraw li l-messaġġ tagħna ser ikun aktar effettiv mar-residenti li nirrappreżentaw,” żied jgħid il-President Mario Fava.
Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli kkonkludiet billi awgurat lill-kunsilliera li t-taħriġ ikun wieħed interessanti u utli għalihom, u li jkun mezz li jwassalhom viċin ir-residenti fil-lokalitajiet.
Ritratti: DOI