Jitpoġġew High-Voltage Cables Għall-Elettriku Shore-To-Ship Fil-Port Il-Kbir
Infrastructure Malta qed tiffinalizza t-tqegħid ta’ high-voltage cables taħt l-art, li se jwasslu sistemi tal-elettriku mix-xatt għall-bastimenti u għall-cruise liners li jżuru Malta, u b’hekk jonqos 90% mit-tniġġis tal-arja tagħhom fil-Port il-Kbir.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Frederick Azzopardi u ċ-Chairman ta’ Transport Malta Joseph Bugeja.
Il-Grand Harbour Clean Air Project (GHCAP) huwa investiment ambjentali ta’ €49.9 miljun biex tiġi żviluppata l-infrastruttura tal-elettriku għall-cruise liners u vapuri tal-merkanzija biex jitfu l-magni tagħhom li jaħdmu bil-gas-oil jew heavy-fuel-oil u jqabbdu l-elettriku mix-xatt għas-sistemi tagħhom waqt li jkunu rmiġġati fil-port.
Permezz ta’ dan il-proġett, li huwa kofinanzjat mill-Connecting Europe Facility tal-UE, IM qed ittejjeb il-kwalità tal-arja għal 17,000 familja li jgħixu fiż-żona tal-Port il-Kbir. Hekk kif jitlesta dan il-proġett se jitmexxa minn Transport Malta.
“Qed inkomplu ninvestu fil-prijoritajiet tagħna skont il-viżjoni tagħna għal Malta ta’ għada: saħħa u kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji kif ukoll ambjent aktar nadif, hekk kif inkomplu nindirizzaw l-isfidi tat-tibdil fil-klima,” qal il-Ministru Farrugia, li spjega li l-ewwel konnessjonijiet tax-shore-to-ship tal-moll għall-cruise liners f’Pinto Wharf, il-Furjana u l-Boiler Wharf, l-Isla huma skedati li jiġu kkummissjonati fit-tieni kwart tal-2023, biex b’hekk Malta tkun waħda mill-ewwel fl-Ewropa li tadotta din it-teknoloġija mal-port kollhu.
Din il-ġimgħa, IM poġġiet l-aħħar medda ta’ tmien kilometri cables ta’ 33 kilovolt taħt l-art, li se jqassam l-elettriku minn ċentru ta’ distribuzzjoni tal-Enemalta f’Jesuits Hill fil-Marsa, għaż-żewġ stazzjonijiet ġodda tal-proġett f’Deep Water Quay, fil-Marsa u Boiler Wharf fl-Isla. Dan is-sajf, se tkun qed tlesti dan in-network b’800 metru ta’ cables taħt il-baħar minn Bridge Wharf il-Marsa sa Coal Wharf, Kordin.
Il-Ministru Farrugia spjega li studji preliminari jindikaw li permezz tal-GHCAP, fi żmien 20 sena Malta se tiffranka sa €375 miljun fi spejjeż marbuta mal-konsegwenzi tat-tniġġis tal-arja, bħall-effetti fuq is-saħħa, l-ambjent naturali, l-infrastruttura u l-agrikoltura. Se jitnaqqas ukoll l-impatt tal-istorbju tal-cruise liners u l-vibrazzjonijiet tal-magni fiż-żona tal-Port il-Kbir.
Dan il-proġett se jnaqqas drastikament l-emissjonijiet tal-cruise ships li jżuru Malta. Billi jitfu l-magni awżiljarji tagħhom, il-cruise liners se jarmu 93% inqas nitrogen oxides, 92.6% inqas particulate matter u 99.6% inqas sulphur dioxide. Dawn is-sustanzi li jniġġsu huma fost il-kawżi prinċipali ta’ mard respiratorju u problemi oħra tas-saħħa. Il-GHCAP se jnaqqas ukoll 39.6% tal-carbon dioxide emissions tal-cruise liners, li jikkontribwixxu għall-emerġenza klimatika.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li €45 miljun minn dan il-proġett huwa ffinanzjat minn fondi Ewropej. Dr Bonett spjega kif għall-ewwel fażi tal-proġett li għaddej ix-xogħol fuqha bħalissa qegħdin jiġu investiti €22 miljun f’fondi Ewropej mill-programm Connecting Europe Facility. Madankollu, minħabba l-importanza ta’ dan il-proġett, Dr Bonett qal li Malta nnegozjat mal-Kummissjoni Ewropea biex mill-pakkett finanzjarju ta’ fondi Ewropej 2021-2027, mill-fond Just Transition Fund, jinġiebu aktar fondi Ewropej sabiex jitkompla l-proġett ta’ arja aktar nadifa fil-portijiet tagħna.
Ritratti: DOI