Jitwettqu 1,250 Miżura Biex Tonqos Il-Burokrazija
Mill-2013 lil hawn, is-Servizz Pubbliku implimenta b’kollox 1,250 miżura biex tonqos il-burokrazija. Matul is-sena li għaddiet biss, twettqu 186 miżura ta’ simplifikazzjoni – ċifra li tixhed rata ta’ twettiq ta’ 83%.
Dan tħabbar mis-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, f’konferenza tal-aħbarijiet fejn nieda l-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2022 kif ukoll it-tielet edizzjoni tal-pubblikazzjoni ‘Ħidma tas-Servizz Pubbliku’, li tagħti rendikont tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni mwettqa, tal-ħidmiet prinċipali ta’ ministeri differenti kif ukoll ħidma oħra mwettqa mis-Servizz Pubbliku matul dawn l-aħħar tnax-il xahar.
Is-Sur Cutajar qal li f’dawn l-aħħar snin, is-Servizz Pubbliku mhux biss tkellem dwar l-importanza tal-kontabbiltà iżda wettaqha fil-prattika, kemm b’sistemi u proċessi interni kif ukoll b’mod pubbliku.
Fil-fatt, kull sena s-Servizz Pubbliku jagħti rendikont tat-twettiq tal-miżuri tal-Baġit (b’rata ta’ implimentazzjoni ta’ 79%), dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (rata ta’ twettiq ta’ 90%), u dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman (b’98% tal-każijiet magħluqa juru li s-Servizz Pubbliku aġixxa b’mod korrett).
Fost il-ħidmiet elenkati fil-pubblikazzjoni mnedija llum hemm programm ta’ modernizzar ta’ bereġ tas-saħħa u t-tisħiħ tas-servizz tas-saħħa bl-introduzzjoni ta’ klinika ta’ segwitu; aktar servizzi online li jinkludu appuntamenti għal testijiet mediċi, tiġdid ta’ liċenzji u servizzi tal-qrati; proċessi ġodda diġitali għaż-żamma u l-użu effiċjenti tad-dejta; kordinament aħjar ta’ servizzi; katalogar ta’ materjal fil-Biblijoteka; u ħitan imħaddra fl-oqsma industrijali.
Dwar il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2022, li għandha t-tema ‘Ninvestu fil-Kwalità’ u li tibqa’ għaddejja sas-Sibt 7 ta’ Mejju, is-Sur Cutajar qal li l-investiment fil-kwalità jfisser investiment fin-nies, fis-servizz li noffru u fit-teknoloġija li nħaddmu. Dawn huma t-tliet elementi ewlenin fis-Servizz Pubbliku li tqiegħdu flimkien biex tfasslet l-istrateġija ‘Lejn Servizz ta’ Eċċellenza’, li t-twettiq tagħha se jiskatta matul il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2022.
Is-Sur Cutajar qal li din il-ġimgħa se tkun qed tagħti togħma ta’ dak mistenni bit-twettiq ta’ din l-istrateġija, jiġifieri l-implimentazzjoni ta’ 45 miżura fuq medda ta’ ħames snin. Permezz ta’ din l-istrateġija, is-Servizz Pubbliku se jgħaddi mill-fażi tat-tiġdid għall-fażi tat-tisħiħ, bi proġetti bla preċedent li għandhom ibiddlu radikalment il-mod kif jaħdem is-Servizz Pubbliku.
Il-programm tal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2022 jinkludi laqgħat mal-klijenti, konferenzi dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija l-ġdida, iffirmar ta’ ftehim dwar taħriġ għal uffiċjali pubbliċi fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali, djalogu ma’ studenti universitarji, għoti ta’ awards lil uffiċjali pubbliċi li spikkaw fil-ħidma tagħhom, premjazzjoni lil tfal li ħadu sehem f’kompetizzjoni dwar karrieri fis-Servizz Pubbliku, u kunċert minn uffiċjali pubbliċi.
Ritratti: DOI