“L-Aspirazzjoni Ewlenija Tagħna Hi L-Kwalità Tal-Ħajja Tat-Tfal B’Diżabilità U L-Familji Tagħhom” – Dr Lydia Abela
Tlett ijiem qabel ma pajjiżna jospita l-Ispecial Olympics Malta Invitational Games 2022, Special Olympics Malta organizzat forum bl-isem ta’ ‘Educators’ Forum’ bil-għan li tiddiskuti l-inklużjoni ta’ persuni u tfal b’diżabilità permezz tal-isport. Fil-messaġġ tagħha, il-President ta’ Special Olympics Malta Dr Lydia Abela qalet li l-aspirazzjoni tagħna lkoll hija l-kwalità tal-ħajja tat-tfal b’diżabilità u l-familji tagħhom.
Fil-preżenza ta’ rappreżentanti ta’ Special Olympics Europe Eurasia, l-SOEE, esperti barranin u lokali fil-qasam tal-isport u l-inklużjoni soċjali, edukaturi fil-qasam sportiv u studenti, Dr Abela qalet li kulħadd għandu jkollu l-opportunità li jagħżel fejn irid jasal f’ħajtu speċjalment f’dik li hija edukazzjoni u sport.
Saħqet li l-isport għandu mod uniku ta’ kif jgħallimna l-ugwaljanza, id-dixxiplina, il-perseveranza, ir-rispett, u fuq kollox l-inklużjoni. Dr Abela qalet li s-sistema edukattiva ta’ pajjiżna toffri edukaturi speċjalizzati f’diversi abilitajiet differenti. Madankollu, jeħtieġ li nagħmlu iktar, nistinkaw iktar, biex l-ebda tifel jew tifla ma jitħallew jaqgħu lura.
Minn eżerċizzju li għamlet Special Olympics Malta li matulu evalwat it-tip ta’ edukazzjoni fiżika li qed tingħata lil tfal b’diżabilità, ħareġ li mhux kulħadd kien konxju tal-programmi wiesgħa li joffru Special Olympics Malta u Sport Malta. Għalhekk li saret iktar kuxjenza biex iktar programmi jilħqu numru akbar ta’ tfal. Hawnhekk, Dr Abela saħqet li tinħass il-ħtieġa ta’ aktar taħriġ lill-edukaturi Maltin bil-għan li aktar studenti jingħataw edukazzjoni inklussiva u li tħalli r-riżultati.
Min-naħa tiegħu, il-President Reġjonali u Direttur Maniġerjali ta’ SOEE David Evangelista, f’messaġġ lill-forum, irringrazzja lil Malta tal-isforzi kollha tagħha biex tospita dan il-logħob u saħaq li l-iktar diskussjoni li se tħalli frott hija proprju dan il-forum hekk kif tiddiversifika l-esperjenzi kollha u se twassal biex ikollna komunitajiet aħjar, iktar b’saħħithom u iktar inklussivi.
Il-forum kien indirizzat ukoll minn diversi rappreżentanti ta’ SOEE li jispeċjalizzaw fit-taħriġ u r-riżorsi, l-inklużjoni tal-atleti, sħubiji ma’ diversi universitajiet għal parteċipazzjoni akbar fl-isport, kif ukoll minn professjonisti Maltin.
Ritratt: DOI