L-Awtorità Għall-Protezzjoni Tal-Embrijuni Approvat 904 Proċeduri Ta’ Prokreazzjoni Assistita Fl-2021
Is-sena 2021 kienet waħda rekord għall-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni hekk kif approvat l-ikbar numru ta’ proċeduri ta’ prokreazzjoni assistita minn kemm ilha mwaqqfa dawn l-aħħar disa’ snin. B’904 proċeduri approvati – iktar mid-doppju tal-proċeduri approvati s-sena ta’ qabel – saru 194 ċiklu ta’ IVF (in vitro fertilisation) u 123 ċiklu ta’ IUI (intrauterine insemination), li flimkien irriżultaw f’57 tqala.
Dan ħareġ mir-rapport annwali tal-istess entità, mqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.
Ir-rapport jispjega li minn 354 proċedura ta’ IVF, b’194 ċiklu li seta’ wassal għal tqala, rriżultaw 51 tqala. Dan ifisser żieda ta’ 7.91% fuq il-figuri rreġistrati s-sena ta’ qabel, biex b’hekk ir-rata medja ta’ trabi li twieldu permezz tal-IVF f’Malta laħqet il-21.13%, jiġifieri żieda ta’ 5.69% mis-sena ta’ qabel. Madwar 70% tal-koppji inqabdu tqal mal-ewwel prova tal-IVF, kważi 20% laħqu dan l-għan mat-tieni prova, filwaqt li l-10% l-oħra kellhom suċċess mat-tielet jew ir-raba’ prova.
Dan filwaqt li fil-każ tal-IUI irriżultaw 6 każijiet ta’ tqala, bi tnejn minnhom b’riżultat ta’ donatur tal-isperma.
Bħalissa hemm 23 omm li qiegħda tistenna li twelled 25 tarbija minn proċeduri li bdew fl-2021.
Ir-rapport juri wkoll kif mill-introduzzjoni tal-liġi tal-2018, li ppermettiet il- krijopreservazzjoni tal-embrijuni, intużaw 364 embrijun f’ċikli tal-IVF sussegwenti matul l-2021, li kienet l-ewwel sena li saru l-proċeduri b’rata normali wara tnaqqis fil-proċeduri fl-2020 minħabba l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19.
In-numri ppreżentati fir-rapport illum juru li mit-twaqqif tal-Awtorità lura fl-2013 sal-aħħar tal-2021 twieldu 418-il tarbija, 404 mill-IVF u 14 mill-IUI. Minn dawn it-trabi, 260 twieldu minn proċeduri ta’ prokreazzjoni assistita fl-Isptar Mater Dei u 158 tarbija twieldu wara proċeduri fi kliniċi privati f’Malta.
Ritratt: DOI