L-Azzjoni Kattolika Maltija Inawgurat Residenza Ġdida Li Toffri Akkomodazzjoni Soċjali Lil Persuni U Familji Vulnerabbli
L-Azzjoni Kattolika Maltija inawgurat ir-residenza l-ġdida tagħha ‘Dar Regina Pacis’ f’Ħal Balzan, li se tkun qed toffri akkomodazzjoni soċjali lil persuni u familji vulnerabbli. Din id-dar ġiet imbierka mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi. Fil-messaġġ tiegħu, l-Isqof tkellem fuq l-importanza ta’ servizzi bħal dawn f’pajjiżna kif ukoll saħaq dwar l-irwol attiv tal-Knisja Maltija fejn tidħol ħidma soċjali fost il-membri vulnerabbli tas-soċjetà.
‘Dar Regina Pacis’ se titmexxa mis-Segretarjat Assistenza Soċjali (SAS) fi ħdan l-Azzjoni Kattolika Maltija. Din id-dar ser tilqa’ persuni u familji li għal diversi raġunijiet isibuha diffiċli ħafna sabiex ikunu jistgħu jgħixu b’mod indipendenti fil-komunità. Permezz tas-sapport ta’ ħaddiema u voluntiera, dawn il-persuni u l-familji jkunu jistgħu jakkwistaw il-ħiliet li għandhom bżonn sabiex ikunu jistgħu jgħixu b’mod indipendenti fil-komunità.
Dan il-proġett setgħa jseħħ grazzi għall-ġenerożità ta’ mijiet ta’ benefatturi li taw d-donazzjonijiet tagħhom. Ix-xogħol f’Dar Regina Pacis ġie ffinanzjat wkoll permezz taI-Voluntary Organisations Project Scheme amministrat mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat f’isem il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja.