“Ma’ Jistax Ikun Li R-Residenti Jibqgħu Jgħixu F’Dan L-Istat…Vandaliżmu Bla Rażan” – Robert Cutajar
“Ma’ jistax ikun li r-residenti jibqgħu jgħixu f’dan l-istat. Vandaliżmu bla rażan.”
Dan kien il-messaġġ li wasal il-Membru Parlamentari Robert Cutajar wara li matul il-lejla li għadda madwar 10 karozzi ġew ivvandalizzati fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar.
Robert Cutajar għamel appell lill-awtoritajiet sabiex jieħdu ħsieb iżidu s-sigurtà f’diversi żoni f’Buġibba u l-Qawra.
Residenti li sfaw vittma ta’ dawn l-attakki qalu li dalgħodu sabu l-karozzi tagħhom mkissrin b’ġebel kbir li ntefa’ għal fuqhom minn persuni mhux magħrufa.
Huwa mifhum li bħalissa għaddejja investigazzjoni mill-Pulizija wkoll dwar dan il-każ.
Robert Cutajar fakkar ukoll sabiex malajr kemm jista’ jkun ir-residenti li joqgħodu fl-akkwati tal-iskola tal-Qawra jkollhom aċċess għall-parkeġġ tal-iskola. “Ilni aktar minn sentejn fil-Parlament u barra nagħmel appelli simili kemm lill-awtoritajiet konċernati kif ukoll lill-Kunsill Lokali. Iż-żejjed kollu żejjed!” temm jgħid Cutajar.