“Ma Kull Pass Li Se Tagħmlu Se Nkunu Magħkom” – Il-Ministru Byron Camilleri

 “Ma Kull Pass Li Se Tagħmlu Se Nkunu Magħkom” – Il-Ministru Byron Camilleri

F’diskors waqt il-passing out parade għal 67 membru ġdid tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri ta merħba u awgura lill-membri l-ġodda u qal li t-triq li mexa dan il-grupp biex wasal s’hawn ħafna drabi mxewha l-individwi waħedhom, minn xi daqqiet għamlu l-passi bħala grupp wieħed li jgħinu lil xulxin, però issa ma’ kull pass li ser jagħmlu ser ikunu hemm magħhom.

Il-ministru qal li dan il-gvern wera kemm-il darba kif meta kien meħtieġ, hu kien mal-membri tal-Forzi Armati. “Urejnieh meta tajna l-ewwel ftehim kollettiv, bi drittijiet u b’kundizzjonijiet ferm aħjar minn qatt qabel, li intom ser tgawdu minnu wkoll. Il-pajjiż huwa grat lejn ix-xogħol imprezzabbli li se tibdew twettqu, tkunu fejn tkunu stazzjonati,” tenna Dr Camilleri.

Saħaq li l-ħajja militari mhix faċli iżda l-fatt li wieħed għandu l-unur li jaqdi lil pajjiżu u jġorr bi kburija l-ilwien Maltin, huwa ċertament ta’ sodisfazzjon kbir. “Għożżu l-ħin li qattajtu bħala grupp wieħed. Ftakru fis-sagrifiċċji, fit-tbatijiet u minn xi waqtiet diżappunti, biex ġranet ta’ sodisfazzjon bħal tal-lum tapprezzawhom ferm aktar,” appella l-ministru.

Fl-aħħar nett, Dr Camilleri fakkar fir-responsabbiltà li l-membri tal-Armata issa daħlu għaliha. “Intom mhux biss tridu tassiguraw is-sigurtà u l-integrità intata ta’ pajjiżna, iżda tridu taraw li f’kull ħaġa li tagħmlu, tirrispettaw u taħdmu għall-poplu Malti u Għawdxi kollu. L-irwol ta’ membru tal-Forzi Armati huwa rwol li n-nies iħarsu lejh b’rispett, kif għandu jkun, issa sta għalikom ukoll li taraw li dan ir-rispett ikun reċiproku”.

Preżenti għall-passing out parade kien hemm ukoll il-Brigadier tal-Forzi Armati ta’ Malta, Jeffrey Curmi.

Intake 212 beda t-taħriġ fid-29 ta’ Novembru 2021 u l-grupp fil-bidu kien magħmul minn 94 rekluta. Ir-rekluti kienu esposti għall-ħajja militari u tħarrġu f’diversi aspetti bħat-taħriġ fiżiku, taħriġ fl-użu tal-armi, id-drill u suġġetti militari oħrajn. Wara dan it-taħriġ imsemmi, 67 rekluta (minnhom 4 nisa u 4 Għawdxin) temmew it-taħriġ b’suċċess.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com