Malta Bl-Ewwel Preżenza Diplomatika Fl-Amerika Latina
Għall-ewwel darba Malta se jkollha l-ewwel preżenza diplomatika fl-Amerika Latina. Dan hekk kif l-Ambaxxatur John Aquilina ppreżenta l-kredenzjali tiegħu bħala l-ewwel Ambaxxatur residenti fi Brasilia lill-President tar-Repubblika Federali tal-Brażil Jair Messias Bolsonaro. Preżenti wkoll kien hemm il-Ministru għar-Relazzjonijiet Esterni tal-Brażil Carlos Alberto Franco França.
Matul iċ-ċerimonja tal-kredenzjali, iż-żewġ naħat irreferew għar-relazzjonijiet bilaterali eċċellenti li ilhom jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi. Il-President Bolsonaro esprima s-sodisfazzjon tiegħu illi Malta għażlet lill-Brażil sabiex tistabbilixxi l-ewwel ambaxxata fl-Amerika Latina. Dan huwa mument sinifikattiv fir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u l-Brażil, u l-President Bolsonaro wera x-xewqa tiegħu li jittejbu l-iskambji u l-koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi għall-benefiċċju taż-żewġ naħat. L-Ambaxxatur Aquilina tenna l-intenzjoni ta’ Malta li ssaħħaħ l-impenn tagħha lejn il-Brażil u l-Amerika Latina bħala parti mill-isforzi kontinwi biex jitwessgħu l-orizzonti tal-politika barranija.
Id-deċiżjoni tal-Gvern Malti biex b’mod uffiċjali tiftaħ ambaxxata fi Brasilia tissimbolizza pass bla preċedent fil-politika barranija ta’ Malta. Dan ukoll qed isir fil-qafas tal-istrateġija tal-politika barranija Maltija li tnediet fi Frar tal-2022, fejn kien speċifikat kif Malta għandha ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali trans-Atlantiċi ma’ pajjiżi mill-Amerika t’Isfel sabiex tesplora opportunitajiet politiċi u ekonomiċi ġodda.